Lokali

It-temperatura massima f’Lulju kienet ogħla min-norma klimatika

Ħassejt li x-xahar ta’ Lulju kien wieħed wisq sħun meta kkumparat mas-snin passati? Dan bir-raġun hekk kif it-temperatura massima medja għax-xahar kienet 33°C… 1.4 gradi celcius ogħla min-norma klimatika.

U l-istess għall-baħar hekk kif it-temperatura medja ta’ kienet ta’ 27.1 grad celcius, jiġifieri 2.4 grad celcius ogħla min-norma klimatika.

L-ogħla temperatura matul ix-xahar kienet propja fl-aħħar jum meta t-temperatura tal-arja massima mmarkat 38 grad celcius biex b’hekk ix-xahar kien iktar sħun mill-medja u kompletament xott.

Minn naħa l-oħra, l-aktar temperatura baxxa għax-xahar… dik ta’ 21.5°C ġiet irreġistrata fi tmiem il-ġimgħa li kien ikkaratterizzat minn riħ ħafif sa moderat mill-Majjistral.

Fil-fatt, minkejja s-sħana trememnda li għamlet, riħ mill-Majjistral ġab temp xi ftit aktar frisk f’diversi okkażjonijiet f’Lulju. It-18 ta’ Lulju kien l-aktar jum mirjieħ tax-xahar, li fih tkejlet buffura massima ta’ 37 knots mill-Majjistral u temperatura massima ta’ 28.2°C.

Dan kollu jwassal biex Lulju kien imdawwal minn 364.7 siegħa xemxin.

U issa x’qed nistennew fil-jiem li ġejjin t’Awwissu?

It-temperatura massima tal-arja mistennija tkun aktar baxxa mit-temperaturi milħuqin fil-bidu tal-ġimgħa, iżda xorta ser tilħaq l-34°C u b’hekk tkun ogħla min-norma klimatika għal Awwisu ta’ 31.7°C.

Awwissu huwa assoċjat ħafna mal-għerejjex ta’ Santa Marija, jiġifieri sħab kbir li jifforma meta għadd ta’ kundizzjonijiet meteoroloġiċi ideali, bħal riħ ħafif, biżżejjed umdità fl-arja u reġjuni ta’ arja kiesħa, ikunu preżenti.

Madanakollu, minħabba l-preżenza persistenti ta’ massa ta’ arja xotta fuq il-Mediterran u temp sħun, mhuwiex mistenni li se naraw dawn l-għerejjex jiffurmaw fil-jiem li ġejjin.