Internazzjonali

L-Afganistan: Il-poter qed jgħaddi lura lit-Talibani għall-ewwel darba mill-2001

L-indikazzjonijiet huma li l-Afganistan mill-ġdid se jkun immexxi mill-militanti Iżlamiċi tat-Taliban. Dan meta l-istess militanti, fl-aħħar sigħat, waslu fil-limiti tal-kapitali Kabul wara li kienu ħatfu l-kontroll fil-kumplament tal-pajjiż.

Il-Ministeru tal-Intern Afgan, intant, irrefera għal negozjati li kellhom jaċċertaw tranżizzjoni tal-poter paċifika. Fl-istess ħin, it-Taliban qal li kien għadda direttivi lill-ġellieda tiegħu biex jibqgħu fil-periferiji tal-kapitali.

Kelliema tat-Taliban wasslu wkoll messaġġ lill-poplu Afgan fejn wiegħdu li ‘ma kienu qed ifittxu li jpattuha lil ħadd’. Madankollu ħafna ċivili rreaġew bil-paniku għall-aħħar żviluppi b’uħud jippruvaw jaslu sal-ajruport u b’ħafna jabbandunaw il-karozzi u jitilqu bil-mixi lejn iz-zoni ‘il bogħod minn Kabul.

Ir-Russja kienet qed tippjana għal laqgħa urġenti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti biex il-pajjiżi-membri jiddiskutu s-sitwazzjoni fl-Afganistan, Madankollu, ir-Russja mhix taħseb biex tagħlaq l-ambaxxata tagħha f’Kabul.wara li ngħatat ‘garanziji ta’ sigurtà’ mit-Talibani.

Għaddew kważi 20 sena mindu t-Taliban tkeċċew mill-poter wara l-invażjoni tal-Afganistan, fl-2001, minn koalizzjoni militari taħt it-tmexxija tal-Istati Uniti.

Sadanittant, il-President tal-Istati Uniti, Joe Biden, qed jiddefendi d-deċiżjoni tiegħu biex iħaffef l-irtirar tal-qawwiet Amerikani mill-Afganistan. Hu qed jgħid li ma jistax jiġġustifika ‘il-preżenza kontinwa tal-Amerikani f’pajjiż li għaddej minn konflitt ċivili’.

L-Istati Uniti, issa, qed tevakwa lill-istaff mill-ambaxxata tagħha f’Kabul u meta eluf ta’ truppi Amerikani qegħdin jgħinu f’din l-evakwazzjoni.

Sadanittant, it-Talibani, aktar kmieni lbieraħ, ħadu l-kontroll fil-belt importanti ta’ Jalalabad ( lejn il-Lvant ) mingħajr il-ħtieġa li jisparaw imqar tir wieħed. L-iżvilupp ifisser ukoll li t-Taliban, issa, qed jikkontrolla t-toroq kollha li jgħaqqdu l-Afganistan mal-Pakistan.