Manchester City, iċ-Champions Ingliżi u finalisti tal-Euro Champions League fl-istaġun li għadda, spiċċaw megħluba minn Tottenham Hotspur bl-iskor ta’ 1-0, biex bdew id-difiża tat-titlu fuq nota mill-aktar diżappuntanti.
Filwaqt li r-riżultat fit-Tottenham Hotspur Stadium jista’ jitqies bħala sorpriża, wieħed irid iqis ukoll id-drama li żviluppat bejn dawn iż-żewġ klabbs fl-aħħar ġimgħat u li kienet fost l-aktar stejjer diskussi b’konnessjoni mas-suq tat-trasferimenti fl-Ingilterra.
Dan meta Man City qed jagħmlu minn kollox biex jiksbu s-servizzi ta’ Harry Kane, l-attakkant internazzjonali ta’ Spurs, li min-naħa tiegħu indika diġà li jixtieq jibda fażi ġdida tal-karriera bil-flokk tas-sky blues. Intant, Tottenham qegħdin jinsistu għal prezz rekord li d-diriġenti ta’ City għadhom qed jikkunsidraw s’issa – u bir-riżultat li Kane ma jkunx inkluż fil-match-day squad tal-bieraħ. Madankollu, City niżlu għal din il-logħba b’Jack Grealish – il-playmaker li kien akkwistat mingħand Aston Villa għal somma rekord – u li ftit impressjona fl-ewwel ħarġa mal-klabb ġdid tiegħu. Sadanittant, Tottenham kien jimmeritahom bis-sħiħ din ir-rebħa meta huma tjiebu ferm wara bidu xi ftit inċert u fejn adottaw pressing game effettiva ħafna fil-konfront tal-avversarji.—filwaqt li urew dixxiplina tattika f’kull dipartiment tal-grawnd.
Kien fil-fatt, SON HEUNG-MIN li pprovda bidu perfett għall-manager ġdid ta’ Spurs, Nuno Espirito Santo, meta, kmieni fit-tieni taqsima (55), venven xutt fil-baxx – bil-ballun jgħaddi bejn diversi plejers u jispiċċa fix-xibka, bil-gowlkiper Ederson iħares.
Man City ftit kellhom risposta u mhemmx dubju li ħassew in-nuqqas ta’ attakkant pur bħal Kun Aguero, li fl-aħħar xhur telaq mill-klabb wara snin twal ta’ servizz. Dan waqt li Mahrez, Ferran Torres u Raheem Sterling naqsu milli jħabbtu lid-difiża ta’ Tottenham li kienet immexxija tajjeb ferm mill-gowlkiper Lloris — b’Hojbjerg u Tananga ukoll ikollhom logħba eċċezzjonali fejn għalqu l-ispazji kollha għall-attakkanti ta’ City. Fil-fatt, l-aħjar opportunità fit-tieni taqsima kienet ta’ Spurs, meta Steven Bergwijn spiċċa waħdu quddiem Ederson u tilef opportunità mill-aqwa biex jirdoppja għat-tim tiegħu.
Intant, West Ham United ħadu l-ewwel tliet punti tal-istaġun f’St James Park għall-ispejjeż ta’ Newcastle United (4-2) – u minkejja li huma kienu spiċċaw darbtejn fi żvantaġġ waqt ħinijiet kruċjali tal-logħba. Iż-żewġ tims addottaw tattiċi avventurużi minn kmieni, b’Newcastle imorru fil-vantaġġ mill-attakkant Callum WILSON li, wara biss ħames minuti, approfitta mill-kross preċiż ta’ Allan Saint-Maximin. Il-Hammers wieġbu f’nofs l-ewwel taqsima meta l-cross-shot ta’ Aaron CRESSWELL spiċċa fir-rokna tax-xibka għall-1-1 – u bil-gowl ikun ikkonvalidat wara konsultazzjoni twila mal-VAR. Intant, Newcastle mill-ġdid kisbu l-vantaġġ qabel il-mistrieħ meta Jacon MURPHY (40) skorja bir-ras fuq l-assist ta’ Matt Ritchie.
It-tieni taqsima, imbagħad, rat lill-Hammers determinati għall-gowl tad-draw li wasal bid-daqqa ta’ ras preċiża ta’ Said BENRAHMA (53). Għaxar minuti wara, West Ham rebħu penalty għall-fawl fil-kaxxa ta’ Murphy fuq Pablo Fornals – b’Antonio jara x-xutt mill-ħdax-il metru salvat minn Woodman qabel Tomas SOUCEK spara ġewwa għat-3-2 wara li l-gowlkiper debuttant tal-Geordies ma żammx il-ballun. Newcastle minn dak il-ħin dehru tim demoralizzat u ANTONIO (66) patta għall-iżball inizjali b’xutt bomba li ma ta l-ebda ċans lil Woodman għall-4-2 finali.
PREMIER LEAGUE
Il-Ġimgħa Brentford v Arsenal 2-0 Ilbieraħ Man Utd v Leeds 5-1 Leicester v Wolves 1-0 Chelsea v C’Palace 3-0
Watford v Aston Villa 3-2 Everton v Southampton 3-1 Burnley v Brighton 1-2 Norwich v Liverpool 0-3 Illum
Newcastle v West Ham 2-4 Tottenham v Man City 1-0