Diversi klijenti tan-nutar Ivan Barbara jinsabu mħassba u diżappuntanti għall-mod kif qed jiġu trattati hekk kif ma jafux x’sar minn flushom – fatt li kkonfermaw huma stess f’kummenti li tawna s-Sibt bost persuni li spiċċaw ingidmu minn din is-sitwazzjoni.
Ivan Barbara tilef ħajtu f’April li għadda fl-Indja wara li kien pożittiv għall-COVID-19. Hu flimkien ma’ martu Rosanne kienu marru l-Indja biex jaddottaw tifla. Barbara miet kawża ta’ dan il-virus mumenti qabel nġieb lura Malta.
“Afdajna lil dan in-nutar bil-flus tagħna u issa qas biss nafu x’sar minn flusna”. Hekk kitbu diversi klijenti ta’ dan in-nutar f’page fuq facebook fejn urew it-tħassib tagħhom għal dak li qed jiġri. Dawn il-persuni tilfu eluf f’depożiti li kienu fil-client’s account tan-nutar Ivan Barbara.

Dawn il-persuni qed jaħsbu li peress li Ivan Barbara flimkien ma’ martu nqabdu l-Indja, dawn użaw il-fondi fil-client account bil-ħsieb li jerġgħu jpoġġuhom lura imma sfortunatament tilef ħajtu. Il-kijenti ta’ Barbara issa se jkollhom jidħlu fl-ispiża ta’ avukat bit-tentattiv li jieħdu flushom lura.
Persuna li tkellmet ma’ Net News stqarret kif tilfet 20,000 ewro. Hija rrakuntatilna kif għamlet diversi snin taħdem minn xogħol għall-ieħor sabiex ikollha l-flus biex tinvesti f’dar iżda issa dan is-sagrifiċċju sfaxxa kollu fix-xejn hekk kif ma tafx x’sar minn flusha. Tistqarr kif il-Pulizija qed tinvestiga dan il-każ u tappella lill-Gvern biex ikun responsabbli f’din il-kwistjoni.
Erba’ xhur wara li Ivan Barbara sfortunatament tilef ħajtu, martu ma setgħetx tirritorna l-flus lil dawn il-klijenti peress li ma kienx hemm fondi biżżejjed fl-account. Issa, Rosanne Barbara qed titlob lil dawn il-klijenti sabiex ikellmu lill-avukat tagħha. Dan is-sit prova jagħmel kuntatt ta’ Rosanne Barbara iżda t-telefonati tagħna baqgħu mhux imwieġba.
Jidher li l-mara tiegħu rrinunzjat il-wirt ta’ żewġha sabiex ma tħallasx id-dejn li kellu.
Sorsi oħra li tkellmu ma’ Net News qalu li Ivan flimkien ma’ martu kellhom kumpaniji offshore.
Normalment meta persuna tmur għand nutar u tagħtih l-10% tal-valur tal-bejgħ, dawn il-flus jinżammu min-nutar f’dak li jissejjaħ client account sakemm ikun iffirmat l-ftehim finali. Dan imbagħad ikun mgħoddi lill-bejjiegħ flimkien mal-ammont totali. Iżda kif kitbet din il-persuna fil-page ‘Victims of Nortary Ivan Barabara’, jidher li dan il-proċess ma sarx kif suppost.

Jidher li l-FIAU u l-Kunsill Notarili huma informati b’dak kollu li qed iseħħ.
//= $special ?>