Lokali

200 ġimgħa wara l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia ħadd ma tressaq il-Qorti fuq il-korruzzjoni – Repubblika

Mitejn ġimgħa ilu ġiet assassinata Daphne Caruana Galizia. F’dan l-anniversarju nfakkru li sal-lum għadu ma tressaq ħadd il-qorti u ġie akkużat bil-korruzzjoni li wasslet għal dan l-assassinju. Lanqas ma tressaq ħadd il- qorti minn fost l- uffiċcjali  tal-Pulizija u persuni oħra f’ awtorità li ostakolaw il-ġustizzja fir-rigward ta’ dan l-assassinju. Dawn il-persuni, minflok żguraw li sseħħ ġustizzja, tradew lill- poplu, daħlu kompliċi mal-kriminali u servew l-interessi tal-qarnita mafjuża li ħakmet lil pajjiżna.

Hekk tgħid stqarrija maħruġa mill-organizzazzjoni Repubblika li appellat lill-awtoritjiet , b’mod partikolari lill-Kummissarju tal-Pulizija u lill-Avukat Ġenerali, sabiex ma jkaxkrux aktar saqajhom u jtemmu l- impunità li ħolqot il- klima li waslet għall-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia u li għadha teżisti sal-lum.

Nippretendu li l- Istat Malti jieħu passi konkreti fuq ir-rapport tal- Inkjesta Pubblika dwar dan l-assassinju. Neżiġu li l-Istat Malti formalment jirrikonoxxi dak li qalet l- Inkjesta Pubblika: li Daphne Caruana Galizia hi Eroj, kompliet l-istqarrija.

Repubblika ħeġġet lill-Maltin u l-Għawdxin ta’ rieda tajba sabiex jingħaqdu magħha fit-talba tagħha għall-ġustizzja u governanza tajba billi jipparteċipaw fil-Velja li ser issir illejla fis-7:00pm fi Pjazza l- Assedju l-Kbir, fil-Belt Valletta filwaqt li fakkret li min ser jattendi hu mitlub jilbes maskra u josserva d-distanza soċjali.