Lokali

“Abela qed isostni l-kultura ta’ impunità li rawwem Muscat”: il-messaġġ fil-Vġili fis-46 xahar mill-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia

Il-kultura ta’ impunità kienet imrawma minn Joseph Muscat, iżda qed isostniha sew Robert Abela. Għax il-Prim Ministru kellu l-ewwel test biex jipprova kemm kien ġenwin meta talab apoloġija f’isem l-Istat lill-familja Caruana Galizia, iżda fallih bi kbir għax għadu qed jiddefendi u jipproteġi lil Edward Zammit Lewis.

Kliem il-President-elett tal-għaqda Repubblika, Alessandra Dee Crespo, fil-Vġili fl-okkażjoni tat-tliet snin u 10 xhur mill-assassinju tal-ġurnalista li nżammet fuq il-mafkar quddiem il-Qorti. Hi qalet li kull ġurnata li l-Prim Ministru jdum biex jieħu azzjoni fil-konfront tal-“ħabib intimu” ta’ Yorgen Fenech, ikun qed jagħmel id-dnub li għamel il-Ministru tiegħu.

Dee Crespo qalet li l-fatt li Abela għadu qed jipproteġi lil Muscat hu “patt imxajtan” anke għax ħalla lil ħafna mill-kollegi tiegħu fil-Kabinett minkejja li nstabu kollettivament responsabbli mill-Bord tal-Inkjesta dwar l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia.

Dan filwaqt li nnutat kif l-Ispeaker qal li mhux urġenti li tkun diskussa r-relazzjoni skandaluża bejn Zammit Lewis u Yorgen Fenech, kif ukoll li l-President ta’ Malta għadu ma talabx apoloġija f’isem l-Istat li jmexxi minkejja u li l-Kummissarju tal-Pulizija għadu ma tax rendikont tal-investigazzjonijiet finanzjarji li kixfet Daphne Caruana Galizia jew ressaq lil min wettaqhom il-Qorti.

Il-President ta’ Repubblika qalet li dawk li attendew għall-Vġili jemmnu li l-Istat m’għandux jinjora r-rakkomandazzjonijiet tal-Bord tal-Inkjesta għax jekk jinjorahom, l-Istat ikun qed joqtol lil Daphne Caruana Galizia għat-tieni darba.

Min-naħa tiegħu, id-Direttur ta’ Aditus Neil Falzon qal li jħoss li bħalissa kulħadd hu rrabjat b’dak li għaddej madwaru għax pajjiżna qatt ma kien fi stat daqshekk diżastruż u għax ma ttieħdux passi biex Daphne Caruana Galizia tkun imħarsa. Qal li wara li Muscat u l-klikka tiegħu għamlu ħerba mill-pajjiż, Malta tista’ tispiċċa agħar jekk Abela ma jieħux il-passi konkreti.

Neil Falzon qal li l-valuri huma l-prinċipji bażiċi li jsawwru nazzjon u li, kif nitilfuhom, ma nibqgħux demokrazija. Id-demokrazija tmut meta l-poplu ma jagħtix każ, tenna, filwaqt li qal li t-tibdil jeħtieġ it-tama li l-affarijiet jistgħu verament jinbidlu.

U Becky D’Ugo minn Occupy Justice qalet li xogħol Daphne Caruana Galizia għadu qed iħalli l-frott, anke wara mewtha, bis-soċjetà ċivili se tibqa’ tkun iż-żrara fiż-żarbuna ta’ dawk li jixtiequ li l-messaġġ tal-ġurnalista jinqatel magħha. Hi wkoll fakkret fil-kultura ta’ impunità fil-Gvern ta’ Muscat, li qalet li nfirxet mill-quċċata ta’ Kastilja u sserpet fi ħdan il-Korp tal-Pulizija, l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali u entitajiet li suppost kienu jirregolaw.

D’Ugo qalet li Muscat għadu fil-Partit Laburista, tant li ħafna Laburisti jarawh bħala xi eroj u għalhekk, Abela għandu jieħu kull pass meħtieġ biex pajjiżna forsi jibda miexi ‘l quddiem u lejn governanza xierqa. Dan għaliex kwalunkwe progress li sar s’issa, sar minkejja l-Gvern, u żgur mhux grazzi lilu.