Sport Sport Ieħor

Antonio Flores jirċievi t-tieni TGS Malta Fair Play Award

Il-paralimpiku Antonio Flores huwa t-tieni rebbieħ tat-TGS Malta Fair Play Award għall-perjodu ta’ bejn April u Ġunju. Dan tħabbar mill-Malta Fair Play Movement flimkien mal-Għqda Ġurnalisti Sports, sponsorjat minn Together Gaming Solutions.

Flores kien se jkun parti mill-kontinġent Malti li se jirrappreżenta lil Malta fil-Logħob Paralimpiku f’Tokjo, iżda hu sofra injury li ma kienx se jilħaq jirkupra minnha fil-ħin. Minflok ma prova jżomm postu b’riskju li l-post tal-atletika jibqa’ vakanti, Flores iddeċieda li jċedi postu fl-edizzjoni ta’ Tokjo, biex issa se jkun Thomas Borg li jirrappreżenta lil Malta fl-Atletika.

“Aħna nikkonfermaw bil-qawwa kollha l-għażla tal-atletà paralimpiku lokali Antonio Flores bħala r-rebbieħ tat-tieni TGS Malta Fair Play Award u tassew napprezzaw dan il-ġest tiegħu ta’ sportività. B’dan il-ġest tiegħu ta’ fair play, Flores qed jagħti eżempju kbir lill-atleti l-oħra u jixraqlu kull rikonoxximent u tifħir.”  Benjamin Delsinger Managing Director of Together Gaming Solutions.