Hi biss bidla assoluta – fosthom fl-infrastruttura, fl-amministrazzjoni, fir-riżorsa umana, fit-taħriġ u fit-tagħmir – li tista’ twassal għar-riforma li għandu bżonn il-Ħabs. Partikolarment wara li l-Ministru Byron Camilleri u l-Ministeru tiegħu ilhom ġimgħat jitfgħu l-problemi taħt it-tapit …u kien biss issa li nħoloq Bord li għandu janalizza mill-qrib il-kundizzjonijiet f’din il-Faċilità.
Hekk qal il-ġurnal Times of Malta, fl-Editorjal tiegħu, li fost l-oħrajn fakkar kif fl-aħħar tliet snin, 12-il priġunier mietu b’mod misterjuż waqt li kienu fil-Ħabs, fosthom b’suwiċidju. L-aħħar każ li nafu bih kien dak tal-ġimgħa li għaddiet fejn priġunier ta’ 30 sena ddaħħal l-Isptar Mater Dei f’qagħda kritika wara li pprova jnehhi ħajtu b’idejh.
Il-ġurnal fakkar li minn meta Alex Dalli nħatar Direttur tal-Ħabs, is-sitwazzjoni marret għall-agħar, tant li issa tidher li saħansitra qed tinkweta lill-Gvern stess li tefgħu f’dik il-kariga.
L-Editorjal jirrimarka wkoll kif fil-Bord ta’ Inkjesta li ħoloq il-Gvern hemm persuna li għadha kif irriżenjat mill-Bord ta’ Governanza tal-Ħabs, bil-ġurnal jinnota kif ironikament, din il-persuna ma rriżenjatx mit-tmexxija tal-Ħabs biex tassumi r-responsabbiltà għall-attroċitajiet li saru… iżda biex tkun parti mill-Bord tal-Inkjesta.
Dan f’kunflitt ta’ interess ladarba l-Liġi titlob lill-Bord biex jara li tkun implikata politika dwar is-servizzi korrettivi, kif ukoll strateġija dwar l-immaniġġjar tal-Faċilità … fi kliem sempliċi, dak li suppost din il-persuna kienet titħallas biex suppost tagħmel waqt li kienet fil-Bord tat-tmexxija tal-Ħabs.
Il-ġurnal kompla li r-riforma teħtieġ li twassal għal Faċilità li tagħti kastig, iżda anke li tara li min iwettaq reat jinbidel f’persuna aħjar.
Għaldaqstant, hu importanti li l-awtoritajiet jaraw li tinbena sistema fejn il-priġunieri jkunu verament rijabilitati u mogħtija ċans ieħor biex jintegraw fis-soċjetà … għax bħalissa s-sistema qed twassal biss biex tumiljahom, u uħud minnhom tħarraxhom aktar.
//= $special ?>