Għawdex Knisja Lokali

Ħatriet ġodda fi ħdan id-Djoċesi t’Għawdex

Karigi ġodda fi ħdan il-Kurja u mħabbra 3 Kappillani ġodda fil-parroċċi t'Għawdex

Bl-għan li l-Poplu ta’ Alla miġbur fid-Djoċesi ta’ Għawdex jiġi megħjun bl-aħjar mod fil-mixja Nisranija tiegħu, skont il-bżonnijiet u l-esiġenzi attwali, il-Kurja Veskovili ħabbret dawn in-nomini ġodda marbuta ma’ diversi ministeri fil-ħajja tal-Knisja f’Għawdex.

Fil-ħidma fi ħdan il-Kurja Djoċesana, Mons. Eddie Zammit, mix-Xewkija, inħatar Kanċillier; u l-Kan. Joseph Zammit, mill-Kolleġġjata ta’ San Ġorġ, il-Belt Victoria, inħatar Vigarju Ġudizzjali tat-Tribunal Ekkleżjastiku.

L-Isqof t’Għawdex, Anton Teuma, ħatar ragħajja ġodda fil-parroċċi Għawdxin; lill-Kan. Anton Refalo Rapa (mix-Xagħra) bħala Kappillan tal-Parroċċa ta’ San Pawl Nawfragu fil-Munxar; lil Dun Dominic M. Sultana, mix-Xagħra ukoll bħala Kappillan tal-Parroċċa ta’ Kristu Ewkaristiku Salvatur fl-Għasri; u l-Mons. Edward Xuereb, mix-Xewkija, bħala Arċipriet tal-Parroċċa tal-Immakulata Kunċizzjoni u San Ġużepp, il-Qala’.

Tħabbru ukoll 4 retturi ġodda fil-knejjes filjali t’Għawdex. Dun Joseph Bajada, mix-Xagħra, huwa r-Rettur il-ġdid tal-Knisja ta’ Ġesù Nazzarenu, ix-Xagħra, Dun Injazju Borg, mix-Xagħra, Rettur tal-Knisja tar-Ragħaj it-Tajjeb, ir-Rabat, u se jservi bħala Direttur tad-dar għas-saċerdoti fi ħdan l-istess Ċentru Pastorali; Dun Joseph Farrugia, mill-Għarb, huwa r-Rettur il-ġdid tal-Istitut tal-Familja Papa Ġwanni Pawlu II, ir-Rabat; il-Kan. Noel Saliba, miż-Żebbuġ, intgħażel Rettur tal-Knisja ta’ Santa Luċija; u Mons. Eddie Zammit, mix-Xewkija huwa r-Rettur il-ġdid tal-Knisja tal-Madonna ta’ Pompej, (tas-Sorijiet Dumnikani), ir-Rabat.ż

Saċerdoti oħra li se jkunu qed jagħtu l-għajnuna tagħhom f’xi parroċċi flimkien ma’ ħidmiet oħra, huma:

  • il-Kan. Geoffrey George Attard (minn San Ġorġ, ir-Rabat) – Kollaboratur fil-Parroċċa tal-Qalb ta’ Ġesù, il-Fontana;
  • Dun Joseph Attard (miż-Żebbuġ) – Vigarju Parrokkjali fil-Parroċċa ta’ Marija Mtellgħa s-Sema, fil-Katidral, ir-Rabat, kif ukoll Kappillan tal-Kor u Ċeremonier tal-Kapitlu Katidrali;
  • Dun Krystof Buttigieg (mill-Qala) – Vigarju Parrokkjali fil-Parroċċa ta’ Marija Mtellgħa s-Sema, iż-Żebbuġ, kif ukoll jgħin fl-Uffiċċju Kateketiku fil-Kurja Djoċesana;
  • Dun Noel Debono (min-Nadur) – Kollaboratur fil-Parroċċa ta’ San Pawl Nawfragu, ilMunxar, kif ukoll Direttur tal-Istitut għall-Ministeru Pastorali (IPM);
  • Dun Frankie Mallia (miż-Żebbuġ) – Kollaboratur fil-Parroċċa ta’ Marija Mtellgħa s-Sema, il-Katidral, ir-Rabat, kif ukoll Kappillan tal-Kor tal-Kapitlu Katidrali;
  • Dun Michael Mifsud (mill-Għarb) – Vigarju Parrokkjali fil-Parroċċa ta’ Marija Bambina, ix-Xagħra;
  • Dun Michael Said (min-Nadur) – Vigarju Parrokkjali fil-Parroċċa tal-Immakulata Kunċizzjoni u San Ġużepp, il-Qala; u
  • il-Kan. Edward Vella (mill-Għarb) – Kollaboratur fis-Santwarju Nazzjonali talMadonna Ta’ Pinu, l-Għarb, minbarra l-ħidma pastorali li diġà qed iwettaq fil-Parroċċa tal-Madonna tas-Sokkors u San Girgor, Ta’ Kerċem.

Fil-ħidma pastorali bħala Diretturi Spiritwali fl-iskejjel:

  • il-Kan. Alex Cauchi (mill-Għarb) u Dun Manwel Cutajar (minn San Lawrenz) – fl-iskejjel primarji kollha ta’ Għawdex; u Dun Vincent Pavia (mill-Katidral, il-Belt Victoria) – fil-Campus tal-MCAST, Għajnsielem.

Dawn il-ministeri ġodda fid-Djoċesi ta’ Għawdex jidħlu fis-seħħ nhar it-Tlieta 14 ta’ Settembru 2021, Festa tal-Eżaltazzjoni tas-Salib Imqaddes. Fl-istqarrija tagħha, il-Kurja Għawdxija qalet li huwa fid-dawl tal-imħabba, murija fil-misteru tas-Salib ta’ Kristu, li kull ministeru fi ħdan il-Knisja għandu jsib iċ-ċentru u l-milja tiegħu waqt li jingħax bħala servizz u qadi għall-oħrajn.

Il-komunitajiet kollha huma mħeġġa sabiex matul dawn il-ġimgħat isir mument ta’ talb kemm fil-parroċċi u kemm fil-familji għal dawn is-saċerdoti, ħalli filwaqt li nweżnuhom u ngħinuhom bit-talb u l-għajnuna tagħna, il-Mulej Ġesù – li beda din l-opra tajba fihom – iwassalha sat-tmiem skont ix-xewqa tiegħu