Coronavirus Lokali Saħħa

Il-fatalitajiet bil-COVID-19 jitilgħu għal 431 b’vittma ta’ 86 sena

Jitħabbru 43 każ ġdid ta' Coronavirus filwaqt li l-każijiet attivi jinżlu għal 609 b'80 persuna mfejjqa

Il-vittmi tal-COVID-19 jitilgħu 431 hekk kif il-Ministeru tas-Saħħa fuq il-paġna ta’ Facebook ħabbar li mara ta’ 86 sena mietet bil-virus iżda għadu mhux magħruf jekk din kinitx imlaqqma jew le għaliex il-konferenzi tas-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, Charmaine Gauci, twaqqfu ħesrem.

Żdiedu b’5 il-pazjenti li qed jiġu rikoverati l-isptar għall-COVID-19 għal 43 pazjent, b’ 5 minnhom jinsabu fit-Taqsima għall-Kura Intensiva.

Fl-aħħar 24 siegħa tħabbru 43 każ ġdid fost 2,822 swab test biex issa l-każi attivi jlaħħqu s-609 hekk kif fiequ 80 persuna mill-COVID-19, bl-età medja tal-każi l-ġodda mħabbra hija ta’ 37 sena. B’hekk il-każi totali minn mindu feġġet il-pandemija f’pajjiżna 76 ġimgħa ilu jlaħħqu il-35,380 persuna.

Jidher li l-proċess ta’ tilqim kien wieħed kajman f’jum ta’ festa l-Ħadd hekk kif fil-15 t’Awwissu ġew amministrati ftit aktar minn 100 tilqima biss.

Intant, mit-Tnejn, l-udjenza massima permessibli għall-attivitajiet tal-massa ‘seated’ se jitilgħu minn 200 għal 300 persuna. Dan kien tħabbar mill-Ministru tas-Saħħa Chris Fearne bħala reazzjoni għall-protesta li kienet saret mill-Assoċjazzjoni tad-Divertiment u l-Arti f’Malta (MEIA) dwar il-mod kif l-artisti qed jiġu ddiskriminati meta mqabbel ma’ setturi oħra fir-rilaxx tal-miżuri tal-COVID-19.

Imbagħad, mit-30 t’Awwissu li ġej, in-numru ta’ persuni li jistgħu jattendu dawn l-attivitajiet seated jitilgħu għal 500.

Minkejja dina ż-żieda fl-udjenza, id-diżappunt fost l-artisti għal dawn il-miżuri mħabbra kien wieħed notevoli għaliex kontra ta’ dak li ġew imwiegħda, l-artisti u l-organizzaturi ġew imċaħħda milli jtellgħu attivitajiet tal-massa kontrollati bil-wieqfa.

Mis-16 t’Awwissu ukoll se jonqos il-perjodu li wieħed joqgħod kwarantina minn 14 għal 7 ijiem diment li wieħed ikollu iċ-ċertifikat tal-vaċċin u li ma jkun hemm ħadd pożittiv fl-istess residenza.