Konferma li l-Gvern Laburista ma kkonsulta ma’ ħadd meta ħolom bil-proġett massiċċ fil-Bajja pittoreska ta’ Marsaskala.
Dan ħareġ minn laqgħa straordinarja tal-Kunsill Lokali ta’ Marsaskala, immexxi minn maġġoranza Laburista, li kienet sfurzata ċċedi għall-pressjoni tar-residenti u tivvota kontra l-proġett kif qed jippreżentah il-Gvern.
Fil-fatt, tmienja mid-disa’ Kunsillieri Lokali vvotaw kontra l-proġett, filwaqt li wieħed mill-Kunsillieri Laburisti astjena. Fuq Facebook, residenti kkummentaw li l-fatt li wieħed mill-Kunsillieri Laburisti astjena turi kif hemm elementi fil-Partit Laburista li mhux komdi jivvotaw kontra l-proġett.
Min-naħa tiegħu, il-Minority Leader John Baptist Camilleri u l-Kunsillier l-ieħor tal-Partit Nazzjonalista Errol Cutajar tennew it-tħassib tar-residenti li l-kobor tal-bċejjeċ tal-baħar li kienu aċċettati skont il-proġett tal-Gvern kien se joħnoq il-Bajja u saħansitra delizzji tal-Iskalin, fosthom il-logħob tan-nar fil-baħar.
Fuq kollox, kien innotat ukoll kif, f’dokument ta’ 60 paġna, ma kien hemm l-ebda referenza lejn kif ir-residenti setgħu jibbenefikaw minn dan il-proġett.
Tal-istess idea l-eks Sindku Laburista ta’ Marsaskala Charlot Mifsud li, waqt li kien qed jispjega l-vot tiegħu kontra l-proġett, wera kif dan mhux ta’ ġid għar-residenti Skalin.
Fi tmiem il-laqgħa – b’insistenza tal-Kunsillieri Laburisti – il-Kunsill ivvota b’maġġoranza favur għal Mozzjoni li tgħid li, filwaqt li dan il-proġett jitwaqqaf għalkollox, ma tkunx eskluża l-possibbiltà ta’ proġett fuq skala iżgħar, kif spjegat il-Viċi Sindku Janice Falzon.
U għas-Sindku Laburista Mario Calleja, mhux inkwetanti li ħadd mid-Deputati Laburisti – ħlief wieħed – ma qabeż għall-Iskalin. Għax qal li hu mhu xejn biex jindaħlilhom.
Dan f’konferma oħra kemm il-Gvern ta’ Robert Abela lest jibqa’ għaddej bħal gaffa minn fuq ir-residenti u l-Kunsilli Lokali mingħajr ma lanqas biss jikkonsulta magħhom dwar proġetti kapitali u kbar bħal dan ippjanat f’Marsaskala.
//= $special ?>