In-nutara kienu ilhom sa mill-2016 jitolbu li jkun hemm strutturi aktar sodi u li joffru garanziji akbar għall-klijenti tagħhom, biex każijiet bħal dak li seħħ fl-aħħar ġimgħat ikunu evitati.
Clinton Bellizzi, il-President tal-Kunsill Nutarili stqarr dan wara li kellimnih fuq is-sitwazzjoni li żviluppat mill-każ tan-Nutar Ivan Barbara.
Net News ilbieraħ żvela kif numru ta’ klijenti tan-nutar Barbara – in-nutar li tilef ħajtu fl-Indja wara li kien ħakmu l-virus tal-Covid-19 – kienu qed isibu diffikultà biex isiru jafu x’sar minn flushom wara li dawn kienu ingħataw lin-nutar fuq atti pendenti bħal konvenji.
Bellizzi qal li l-Kunsill kien ilu s-snin jaħdem biex tinħoloq sistema aktar effiċjenti, trasparenti u ta’ serħan il-moħħ fejn jidħlu ħlas ta’ taxxi, reġistrazzjonjiet u trasferimenti ta’ flus bejn Nutara, Dipertimenti, banek u partijiet oħra. Madankollu dawn sa issa għadhom ma ġewx implimentati kollha. Jidher li r-raġuni għalfejn dan ma seħħx hija waħda purament buroktratika, ghaliex il-Gvern ilu bil-proposti quddiemu sa mill-2016.
Il-President tal-Kunsill qal li kienu biss ftit il-bidliet li ġew implimentati minn mindu kienu ġew proposti minn nutara nfushom.
Dwar il-każ l-atkar riċenti, Clinton Bellizzi spjegalna illi malli l-Kunsill Notarili ġie mgħarraf li l-armla ta’ Ivan Barbara kienet irrinunzjat għall-wirt ta’ żewġha, huma immedjatament talbu lill-Avukat Ġenerali jaħtar Nutar Konservatur għall-atti tan-nutar Barbara sabiex jinġabru dawk l-atti li baqgħu pendent wara mewtu.
Bellizzi qal li l-Kunsill sal-lum għad m’għandux kopja tar-rinunzja tal-wirt tal-armla ta’ Barbara u lanqas ma ngħatatlu kopja tal-lista ta’ atti tan-nutar Barbara u li għadhom fil-pussess tal-armla jew ta’ terzi persuni. Kien għalhekk li l-Kunsill għamel it-talba tiegħu lill-Avukat Ġenerali.
Dan is-sit tkellem ma’ għadd ta’ persuni li ngidmu bl-ikrah meta kellhom flus depożitati f’dak li kellu jkun clients account f’isem in-nutar Barbara wara li kienu ffirmaw konvenji u atti oħra.
Dawn il-flejjes kellhom ikunu miżmuma f’dan il-kont b’mod sigur sakemm ikunu konklużi l-atti permezz ta’ kuntratti. Madankollu, jidher li għal xi raġuni l-flus li kien hemm f’dan il-kont ġew imbagħbsa tant li jidher li mhemmx flus biżżejed biex dawn il-klijenti jieħud flushom lura. Din is-sitwazzjon qed tikkawżalhom ħafna frustrazzjoni u inkwiet, hekk kif dawn il-persuni spiċċaw b’eluf ta’ ewro li ħadmu għalihom għal snin twal maqfula u possibilment mitlufa.
Net News ilu tliet ijiem jipprova jagħmel kuntatt mal-mara tan-nutar Barbara biex nisimgħu il-verżjoni tagħha tal-fatti. Iżda sa issa kull tentattiv, b’messaġġi u telefonati, kien kollu għalxejn.
Ivan Barbara u martu kienu marru l-Indja f’Marzu li għadda sabiex jaddottaw tarbija. Iżda n-nutar marad bil-virus tal-Covid-19 u spiċċa tilef ħajtu kaġun ta’ dan ftit ħin biss qabel ma kellu jinġieb lura pajjiżna.
//= $special ?>