Futbol Sport

Jake Grech jiskorja darbtejn f’rebħa Pawlista fuq Gżira

(Ritratt: Catriel Farrugia)

Rowen Camilleri

GŻIRA U………………1

HIBERNIANS……….3

Gżira U: J. Haber, G. Mentz (L. Tabone 46’), S. Borg, S. Pisani, Z. Scerri (E. Mbong 77’), D. Xuereb (N. Muscat 61’), M. Davis, R. Correa (C. Gauci 77’), M. Maia, T. Espindola, J. Mendoza

Hibernians: I. Kone, F. Apap, L. Almeida, R. Dos Anjos, A. Attard, J. Grech, E. Beu (J. Degabriele 66’), B. Thaylor (Z. Grech 85’), A. Agius, G. Izquier, W. Domoraud

Imwissija: G. Mentz 12’ (G), R. Dos Anjos 59’ (H)

Skorjaw: J. Grech 13’, 50’, F. Apap 74’ (H) M. Maia 24’ (G)

Referee: Ishmael Barbara

Assistenti Referees: Roberto Vella u Duncan Spencer

In-Nazzjon Plejer tal-logħba: Jake Grech

BOV Plejer tal-logħba: Jake Grech

Dopjetta ta’ Jake Grech u gowl ta’ Ferdinando Apap taw rebħa ta’ 3-1 lil Hibernians fuq Gżira United fl-ewwel impenn tagħhom dan l-istaġun. Hibernians ma’ serqu xejn minn din il-partita hekk kif għal ħinijiet twal kienu l-aqwa tim u għarfu jikkontrollaw tajjeb lill-avversarji tagħhom.

Fit-13-il minuta Hibernians marru fil-vantaġġ. Kienet azzjoni li bdiet minn free-kick ta’ Iziquier li kien imtajjar parzjalment mid-difiża tal-maroons, bil-ballun jaqa’ f’saqajn JAKE GRECH li prova xutt mill-ewwel u wara li kien devjat minn Gabriel Mentz spiċċa wara Haber. Fit-22 minuta Correa prova xutt minn barra l-kaxxa iżda l-ballun għadda mkaxxar minn mal-wieqfa. Żewġ minuti wara Gżira United ġabu l-gowl tad-dro meta kien free-kick preċiż ta’ Steve Pisani li sab lil MAXUELL MAIA f’qagħda eċċellenti u b’daqqa ta’ ras b’saħħita għeleb għal kollox lil Kone. Fil-35 minuta Hibernians setgħu marru għal darb’ oħra fil-vantaġġ meta minn kross ta’ Thaylor kien Izquier li ħa l-ballun ħażin bir-ras u tefa’ barra.

Ħames minuti mill-bidu tat-tieni taqsima il-Pawlisti reġgħu marru minn fuq meta Izquier tefa pass fit-tul fid-direzzjoni ta’ JAKE GRECH bl-internazzjonali Malti jaħrab b’veloċità u malli ra lil Haber ħiereġ kien pront ikkonkluda lejn il-lasta biex skurja t-tieni gowl ta’ Hibernians u tiegħu personali. Fl-74 minuta Hibernians issiġillaw ir-rebħa. Kien kross preċiż tal-pleyer tal-logħba Jake Grech u d-difensur FERDINANDO APAP għola tajjeb fuq kulħadd u b’daqqa ta’ ras mill-isbaħ ma’ ta l-ebda ċans lil Haber. L-isforzi tal-maroons kienu kollha għal xejn hekk kif Hibernians iddefendew tajjeb ir-riżultat sa tmiem il-partita.