Anthony Borg, l-eks priġunier li tkellem dwar is-sitwazzjoni preżenti fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin saħaq li kliemu qed jirrita b’mod ċar lill-awtoritajiet u lil min qed imexxi l-ħabs. L-eks priġunier f’kummenti li ta qal li “l-verità tweġġa’.” Borg kien qed jirreaġixxi għal clip li tellgħet fuq Facebook il-General Workers Union.
Fl-audio-clip , Borg jista’ jinstema’ rrabjat iħeġġeġ lil persuna oħra sabiex jiftaħ il-bieb biex jiġġieled. Borg qal li l-inċident inkwistjoni seħħ fl-2019 u kien jinvolvi ġlieda ma’ uffiċjal ta’ kariga għolja.
Anthony Borg qal li l-uffiċjal tal-ħabs tellgħu il-Qorti għax qal li Borg heddu li ser jaħraqlu d-dar tiegħu – iżda aktar tard, hu ġie meħlus għaliex tliet persuni xehdu favorih u qalu li fl-ebda ħin ma semgħuh jgħid dan.
L-eks priġunier qal li hu nduna li kien qed jiġi rrekordjat. Sħabu stess aktar tard qalu llui xi ħadd kien wieqaf barra ċ-ċella tiegħu bit-telefon ċellulari.
Ftit wara li seħħ dan il-battibekk, il-gwardjani tal-ħabs kienu sprejjaw iċ-ċella li kien jinsab fiha Borg bil-pepper spray.
Fl-aħħar nett, Anthony Borg saħaq “huma jafu li għidt il-verità u żgur li lqatthom fil-laħam il-ħaj.”
Fl-istqarrija tagħha, il-GWU qalet li l-uffiċjali korrettivi tal-ħabs ta’ Kordin qatt ma użaw il-vjolenza fuq il-priġunieri minkejja li ħafna drabi jiġu pprovokati, insultati u mhedda waqt il-qadi ta’ dmirijiethom.
//= $special ?>