Għajnejn id-dinja għaldarboħra jinsabu fuq l-Afganistan hekk kif iċ-ċittadini ta’ dan il-pajjiż dalgħodu qamu għal realtà ġdida. Dan wara li t-Taliban ħadu kontroll totali tal-pajjiż meta l-Ħadd kisbu l-kontroll tal-kapitali Kabul.
Riżutlat ta’ dan eluf ta’ Afgani qed jippruvaw jaħardu mill-pajjiż. L-ajruport ta’ Kabul spiċċa xena ta’ kaos u paniku meta mijiet ta’ ċittadini invadew ir-runway, f’tentattiv frenetiku li jitilgħu fuq ajruplani li kien hemm fuq it-tarmac.
Is-sitwazzjoni ddeġenerat tant li ma ppermettietx li ajruplani jagħmlu t-tlugħ u l-inżul tagħhom.
Qed jigu rrappurtati wkoll imwiet fl-ajruport – sa issa tal-anqas żewġ persuni. Mhux magħruf jekk dawn mietux fir-rassa jew kawża ta’ tiri sparati.
B’mod separat kien irrappurtat ukoll li truppi Amerikani setgħu sparaw xi tiri ta’ twissija meta s-sitwazzjoni bdiet tiddeterjora, u sabiex ikunu kkontrollati l-ġemgħat.
L-Afganistan ilu snin twal jiffaċċja theddid u ġlied mit-Talibani – grupp ta’ ġellieda li ra l-bidu tiegħu fid-disgħinijiet. Iżda wara l-attakki fuq it-Twin Towers tal-2001, forzi Amerikani kien irnexxielhom jikkontrollaw il-grupp u għal dawn l-aħħar snin il-pajjiż kien qed isib xi forma ta’ normalità f’dik li hi tmexxija.
Madankollu hekk kif il-President Amerikan Joe Biden għażel li jirtira t-truppi tiegħu malajr mill-Afganistan fl-aħħar ġimgħat, it-Taliban reġgħu bdew offensiva qawwija u malajr ħadu l-kontroll ta’ bliet strateġiċi waħda wara l-oħra sakemm il-Ħadd irnexxielhom jieħdu wkoll il-kontroll tal-Kapitali.
Bosta diplomatiċi diġà telqu mill-pajjiż b’ħafna oħrajn qed jippruvaw joħorġu miż-żona kkontrollata mill-militanti.
Filwaqt li l-awtoritajiet Ingliżi sa ftit tal-ħin ilu kienu qed jiggarantixxu li ċ-ċittadini Ingliżi kollha li jinsabu fl-Afganistan kienu se jinġiebu lura l-Ingilterra, issa l-Ministru tad-Difiża Ben Wallace qed jesprimi t-tħassib tiegħu filwaqt li qal li mhux iċ-ċittadini kollha se jirritornaw pajjiżhom.
Intnat, għalkemm mexxejja tat-Talibani qed jorndaw lill-miltanti tagħhom sabiex iwaqqfu l-offensivi tagħhom, jibqgħu jippersistu rapporti ta’ qtil brutali u azzjoni vendikattiva.
Fost dan kollu,il-President Afgan, Ashraf Ghani fl-aħħar sigħat ħarab mill-pajjiż.
//= $special ?>