Għawdex Lokali

L-Għawdxin minsijin mill-Gvern: il-winch li ttella’ l-bċejjeċ tal-baħar mill-Menqa ta’ Marsalforn ilha ma taħdimx għal ġimgħa

Is-sidien ta’ bċejjeċ tal-baħar fil-Menqa ta’ Marsalforn intesew mill-Gvern, b’riskju li ssirilhom il-ħsara f’każ li jinqala’ xi maltemp jew ikollhom xi problema oħra. Dan hekk kif il-Gvern għadu qed ikaxkar saqajh milli jsewwi cable ta’ winch li jużaw biex itellgħu l-bejjeċ tagħhom.

Dan l-apparat importanti għas-sidien inqalatlu l-ħsara t-Tnejn li għadda u, minkejja li l-persuna responsabbli miz-zona rrapporta l-ħsara lid-Dipartiment tal-Fisheries, li jaqa’ taħt ir-responsabbiltà tal-Ministeru għal Għawdex, f’ġimgħa l-problema baqgħet qatt ma ġiet indirizzata.

Persuni li tkellmu ma’ NET News spjegaw li dan hu ta’ periklu għas-sidien li jkollhom bżonn itellgħu fuq l-art il-bċejjeċ tal-baħar tagħhom, hekk kif bħalissa dan mhux possibbli. Dan anke fid-dawl tal-possibbiltà li fil-jiem li ġejjin, dik iz-zona tintlaqat mill-maltemp jew baħar qawwi.

Iżda meta sar kuntatt mad-Dipariment tal-Fisheries, id-Dipartiment tal-Gvern qalilhom biss li, jekk ikollok bżonn, idaħħlu xi vettura kbira. Madankollu, l-Uffiċjal li tkellem mas-sidien tal-bċejjeċ tal-baħar ma tax każ il-fatt li, wara xogħol li sar fil-pavimentar, dik iz-zona hi pedonali u l-ebda vettura ma għandha aċċess tgħaddi minn hemm.

Minn fuq, wara ġimgħa, dalgħodu s-sidien sabu biss nota li s-sistema tal-winch hi “out of order”, filwaqt li l-iswitch li jħaddem l-apparat ġie msakkar b’katnazz. Dan kollu qed ikompli jħassibhom, fost biża’ li din is-sistema tant importanti għalihom se ddum ħafna biex terġa’ tintuża.