Wieħed minn kull ħames persuni f’pajjizna jikkunsidraw it-tibdil tal-klima bħala l-iktar problema serja għall-umanità. Fl-aħħar sena, tliet kwarti tal-Maltin u l-Għawdxin ħadu passi biex inaqsu l-impatt tagħhom fuq l-ambjent. Skont din l-istatistika li ħarġet l-Unjoni Ewropea, 75% tal-Maltin li pparteċipaw fl-istħarriġ qalu illi jemmnu li l-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima hija responsabiltà tal-Gvern. Din hija ferm għola mill-medja tal-UE. It-tibdil fil-klima hija sfida globali u jekk ma tkunx indirizzata b’mod urġenti, se tpoġġi f’riskju mhux biss l-ambjent iżda wkoll il-prosperità ekonomika dinjija, l-iżvilupp u b’mod iktar wiesa, l-istabbiltà u s-sigurtà tal-umanità.
Rapport tan-Nazzjonijiet Uniti, sab li m’għadux aktar possibbli li naħarbu din l-isfida tal-bidla fil-klima, u li b’din ix-xejra pajjiżna jista’ tispiċċa kważi deżert. Huwa għalhekk li l-Partit Nazzjonalista reġa’ qed ikun fuq quddiem nett biex jegħleb din l-isfida hekk kif fl-aħħar jiem ħabbar li ser ikun qed jixpruna diskussjoni nazzjonali biex jitwettaq Pjan ta’ Azzjoni ħalli Malta timmaniġġja l-impatt fuq l-ambjent u s-soċjeta’.
Minbarra li ser inkun qiegħed iressaq il-ħsibijiet tiegħu fi ħdan il-fora Ewropej, il-Kap tal-PN Bernard Grech, waqqaf core team sabiex mill-aktar fis tiġi organizzata Konferenza Nazzjonali dwar it-Tibdil fil-Klima biex din il-materja tant importanti għall-futur tagħna titqiegħed fuq l-aġenda nazzjonali.
Dwar dawn l-iżviluppi, Net News tkellem mal-President tal-Kunsill Studenti Universitarji, Neil Zahra fejn staqsejna kemm jaħseb li hija importanti diskussjoni nazzjonali u pjan ta’ azzjoni dwar l-impatt tat-tibdil klima. Zahra kkonferma l-importanza ta’ dan fejn saħaq li lil’hinn mill-partiġjaniżmu politku, din mhux xi ħaġa li kwalukwe Gvern jew partit ser isolvi fi ftit żmien għaliex trid tkun politka li bħala pajjiż naqblu fuqha u nsostnuha għad-diċenji li ġejjin biex l-effetti li diġa nafu li ser iseħħu, jittaffu. “Huwa ferm importanti li naġixxu issa u ninvolvu lil kulħadd f’din id-diskussjoni sabiex id-deċiżjonijiet jittieħdu fuq livell ħolistiku.”
Il-President tal-KSU wassal l-appell tiegħu dwar l-importanza li dan is-suġġett jittieħed bis-serjetà; “Għadna naddotaw din id-direzzjoni fuq livell illum qabel għada għaliex kull ġurnata li ma naġixxux fuqha hija ġurnata moħlija u ġurnata li fl-aħħar mill-aħħar ser taħdem kontrina fis-snin li ġejjin.” Neil Zahra saħaq li t-tibdil fil-klima se jkollu impatt enormi fuq il-ħajja tagħna ta’ kuljum; “it-tibdil fil-klima mhux xi ħaġa sempliċi daqs li kieku tilbes maskra waqt pandemija u toqgħod id-dar għaliex dik id-dar jaf tispiċċa taħt l-ilma jew li dik id-dar ma tkunx tista’ żżommha f’temperaturi ideali għall-ħajja umana.”
Intant, fl-aħħar jiem, f’konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-kelliem ewlieni tal-PN Peter Agius, il-kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Ambjent u t-Tibdil fil-Klima Robert Cutajar flimkien mal-President tal-MZPN Gabriel Micallef u l-kandidat Bernice Bonello, il-PN tkellem fuq id-diversi proposti li għandu għal dan is-settur. Dan filwaqt li fakkar kif sentejn ilu il-Partit Nazzjonalista ressaq mozzjoni fil-Parlament dwar din l-emerġenza fil-klima, li sabet l-appoġġ ta’ numru kbir ta’ organizazzjonijiet taż-żgħażagħ.
//= $special ?>