Futbol Sport

Bayern Munich jirbħu s-Super Cup Ġermaniża għad-disa’ darba

(Ritratt: EPA)

Fis-Signal Iduna Park ta’ Dortmund, Bayern Munich għelbu lil Borussia Dortmund 3-1 biex b’hekk rebħu Super Cup Ġermaniża għad-disa’ darba fl-istorja tagħhom u t-tieni waħda nfila.

Il-konfront kien ikarraterizzat minn żbalji difensivi miż-żewġ naħat b’ Bayern iżda jkunu aħjar fid-dipartiment offensiv u rnexxilhom isibu x-xibka tliet darbiet, darbtejn minn Robert Lewandowski u goal ieħor tal-veteran Thomas Muller.

L-ewwel goal wasal fil-41 minuta meta minn kross ta’ Gnabry kien Robert Lewandowski li għola tajjeb u bir-ras għeleb lil Kobel. Ħames minuti mill-bidu tat-tieni taqsima Bayern Munich irduppjaw. Ħarba ta’ Davies fuq ix-xellug li krossja lejn in-nofs fejn kien hemm Lewandowski li b’inteliġenza kompla bit-takkuna lejn Thomas Muller li b’lasta vojta għamel l-iskor 2-0 u l-ħajja aktar diffiċli għall-iskwadra ta’ Marco Rose. Fl-64 minuta Borussia Dortmund naqsu d-distakk meta Marco Reus irċieva pass mingħand Jude Bellingham u mingħajr ma’ qagħad jaħsiba wisq tefa’ l-ballun fl-anglu tax-xibka b’ Manuel Neur kompletament megħlub.

Wara dan il-gowl Dortmund dehru dieħlin fil-logħba iżda żball tad-difensur Żvizzeru Manuel Akanji irregala l-ballun f’tarf il-kaxxa lil Robert Lewandowski li wara li avvanza minn quddiem Kobel b’ċertu kumdità tefa l-ballun fix-xibka u ssiġilla r-rebħa għal Bayern Munich f’dik li hija t-tieni Super Cup infila għat-tim Bavarjan.