Internazzjonali

Facebook jikkonferma l-projbizzjoni ta’ kontenut relatat mat-Taliban

Facebook ħabbar li pprojbixxa mill-pjattaformi tiegħu lit-Taliban u l-kontenut kollu li jappoġġjah hekk kif qed iqis il-grupp bħala organizzazzjoni terroristika. Fi stqarrija l-kumpanija tal-media soċjali qalet li għandha tim ta’ esperti Afgani dedikat biex jissorvelja u jneħħi kwalunkwe ontenut marbut mal-grupp.

Din l-aħbar tasal wara l-aħħar żviluppi fl-Afganistan wara li għal bosta snin, it-Taliban uża l-midja soċjali biex ixerred il-messaġġi tiegħu. It-teħid tal-Afganistan tal-aħħar sigħat qed iqajjem sfidi ġodda għal kumpaniji tat-teknoloġija dwar kif se jibdew jittrattaw kontenut relatat ma’ dan grupp.

Fi stqarrija Facebook fakkru li “It-Taliban huwa sanzjonat bħala organizzazzjoni terroristika taħt il-liġi tal-Istati Uniti” u qalu li l-projbizzjoni saret skond il-politika tagħhom dwar organizzazzjonijiet perikoluża. Dan ifisser li tneħħew l-kontijiet miżmuma minn jew f’isem it-Taliban u se jkun projbit tifħir, appoġġ u r-rappreżentanza tagħhom.

Dan ifisser li l-projbizzjoni mhux se tkun biss fuq Facebook iżda wkoll fuq Instagram u WhatsApp li jiffurmaw parti mill-kumpanija ta’ Facebook. Dan minkejja li hemm rapporti li t-Taliban qed juża WhatsApp biex jikkomunika.

Pjattaformi rivali tal-media soċjali issa jinsabu taħt skrutinju dwar kif jimmaniġġjaw kontenut relatat mat-Taliban. Kelliema għal Twitter qalu li se jenfasizzaw il-politka tagħhom kontra organizzazzjonijiet vjolenti u kondotta mibegħda. Dan meta skond ir-regoli tiegħu, Twitter ma jippermettix gruppi li jippromwovu t-terroriżmu jew il-vjolenza.

Intant, YouTube għadhom ma ħarġu ebda stqarrija dwar dan is-suġġett jaħraq.