Internazzjonali Lokali

Il-Partit Nazzjonalista jesprimi solidarjetà mal-poplu Afgan

Il-Partit Nazzjonalista jesprimi s-solidarjetà sħiħa tiegħu mal-poplu Afgan. Dak li għaddej bħalissa f’dan il-pajjiż huwa traġiku b’xeni ta’ tħassib kbir. Għalhekk hu essenzjali li sforz id-diplomazija internazzjonali isiru negozjati sabiex f’dan il-perjodu ta’ tranżizzjoni tirrenja l-paċi, is-sigurtá u l-istabilitá. Dan mhux biss huwa kruċjali iżda hi prioritá assoluta li tiġi assigurata l-parteċipazzjoni ugwali u sħiħa tan-nisa u ta’ gruppi oħra f’minoranzi fil-ħajja edukattiva, politika u soċjali ta’ dan il-pajjiż.

Hekk saħaq il-Partit Nazzjonalista fi stqarrija ffirmata mill-Kelliem għall-Affarijiet Barranin u Ewropej Carm Mifsud Bonnici u s-Segretarju Internazzjonali ​Roselyn Borg Knight.

F’dan il-mument, il-Partit Nazzjonalista jesprimi t-tħassib kbir tiegħu dwar l-għadd ta’ rapporti ta’ ksur serju tad-dritt umanitarju internazzjonali u l-abbużi tad-drittijiet fundamentali tal-bniedem fil-komunitajiet affettwati mill-kunflitt armat li għaddej madwar l-Afghanistan.

Għalhekk il-Partit Nazzjonalista jingħaqad ma’ diversi partiti oħra fil-konvinzjoni li għandu sabiex tintemm b’mod immedjat il-vjolenza fl-Afganistan, il-bżonn tar-restawr tal-ordni tas-sigurtà, ċivili u kostituzzjonali u taħditiet urġenti biex tissolva l-kriżi attwali tal-awtorità fil-pajjiż. Dan biex tasal għal soluzzjoni paċifika permezz ta’ proċess ta’ rikonċiljazzjoni nazzjonali mmexxi mill-Afganistan.

Il-Partit Nazzjonalista għalhekk filwaqt li jesprimi s-solidarjeta’ tiegħu mal-poplu Afgan, jemmen li hu vitali li l-komunità internazzjonali tikkoordina mill-qrib fil-jiem u l-ġimgħat li ġejjin biex tiżgura li titkellem b’vuċi waħda filwaqt li jappella lill-Gvern Malti sabiex jippjana b’mod ċar f’każ ta’ żieda fin-numru ta’ refuġjati billi jsejjaħ għal assistenza mill-Ewropa, illum qabel ma jkun tard wisq.