Lokali

Il-PN jitlob sabiex Transport Malta tirtira l-proġett tal-Yacht Marina f’Marsaskala

Il-Gvern għandu jniedi proċess ta’ konsultazzjoni pubblika biex jiġi stabbilit pjan ħolistiku għall-lokalitá

Wara l-laqgħa tal-Kunsill Lokali ta’ Marsaskala tal-bieraħ u l-vot deċiżiv tal-istess membri tal-Kunsill kontra l-proġett ta’ yacht marina fil-lokalitá kif propost mill-Gvern, fuq mozzjoni tal-kunsilliera tal-Partit Nazzjonalista, il-Partit Nazzjonalista jerġa’ jsejjaħ lil Transport Malta sabiex twaqqaf il-proċess tas-sejħa għal tenders dwar il-proġett b’mod immedjat.

Minbarra dan, Transport Malta għandha twaqqaf proċess ta’ konsultazzjoni pubblika mal-Kunsill Lokali u r-residenti ta’ Marsaskala b’mod immedjat, bil-għan li jiġi stabbilit pjan holistiku għal din il-lokalita’.

Il-Partit Nazzjonalista jsejjaħ ukoll fuq il-Gvern sabiex jikkommetti ruħu b’mod ċar u inekwivoku li ser iwaqqaf il-pjanijiet tiegħu għall-iżvilupp taż-Żonqor sabiex il-lokalitá ta’ Marsaskala tibqa’ tgawdi minn spazji miftuħa li jħallu impatt pożittiv fuq ir-residenti u l-istess lokalita’.