Lokali

“Jeħtieġ riforma urġenti fil-ħabs” – PN

Il-Partit Nazzjonalista jesprimi dieqa u rabja għall-mewt ta’ żagħżugħ ieħor waqt li kien għar-riabilitazzjoni fil-Faċilitá Korettiva ta’ Kordin.

Fi stqarrija maħruġa mill-kelliem għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u ċ-Ċittadinanza Beppe Fenech Adami, il-Partit Nazzjonalista jerġa’ jisħaq dwar l-importanza ta’ riforma sħiħa fil-ħabs li tħares il-ħajja, d-dinjitá u d-drittijiet tal-ħabsin filwaqt li tirrispetta r-rwol tagħha bħala faċilitá ta’ riabilitazzjoni u mhux ta’ vendikazzjoni.

Jidher ċar li kemm il-Ministru Byron Camilleri kif ukoll it-tmexxija tal-ħabs tilfu kull kredibbiltá milli jassiguraw li dan isir, u dan minkejja l-appelli kollha li saru.

Inkjesta oħra mhix se ssolvi l-problemi eżistenti fil-ħabs u għalhekk jeħtieġ li Robert Abela jifhem li l-ħabs mhux qiegħed iwettaq il-funzjoni tiegħu u li għalhekk it-tmexxija preżenti għandha titneħħa mmedjatament.

Il-Partit Nazzjonalista jappella lill-Prim Ministru, li ma jistenniex mewta oħra u minnufih jara li l-proposti tal-Oppożizzjoni, kif ukoll dawk ta’ diversi esperti fis-settur, dwar riforma fil-ħabs, jitwettqu mingħajr aktar dewmien, fosthom li jiġi pprovdut trattament xieraq lill-vittmi tad-droga l’ bogħod mill-Faċilitá Korrettiva ta’ Kordin.