Lokali

Jikber il-piż tal-għoli tal-ħajja fuq il-familji

L-għoli tal-ħajja qed ikompli jitfa’ piż akbar fuq il-familji Maltin u Għawdxin, hekk kif fl-aħħar ġimgħat kienet innutata zieda fil-prezzijiet ta’ diversi prodotti bażi1i.

Diversi persuni li tkellmu ma’ Net News esprimew it-tħassib tagħhom għall-fatt li kulma jmur qed ikompli jinħass il-piż ta’ din iż-żieda fl-għoli tal-ħajja; b’zieda fil-prezz ta’ prodotti essenzjali li jintużaw ta’ kuljum… prodotti mis-supermarkets, u anke numru ta’ medicini – affarijiet li wieħed żgur ma jistax jgħix mingħajrhom.

Nies oħra kellmuna wkoll fuq il-fatt li anke affarijiet li jixtru minn hwienet u ironmongeries qed jogħlew.

Fost dawk l-aktar affettwati minn din iż-żieda fil-prezzijiet hemm ħaddiema u anke pensjonanti li qed ibatu biex iwasslu sal-aħħar tax-xahar minħabba pensjonijiet baxxi u kirjiet għoljin. Apparti dan, l-anzjani qed ikomplu jħossu l-piż taż-żieda fil-prezzijiet tal-affarijiet essenzjali li wieħed juża ta’ kuljum.

Il-piż li qed iħossu diversi familji, ħaddiema u anzjani qed jiġi rifless anke fl-iktar statistika riċenti ppubblikata mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika ghal Ġunju li għadda – ċifri li kkonfermaw l-għafsa tal-prezzijiet u l-pressjoni li ġejja mill-għoli tal-ħajja – inflazzjoni li qed tkompli tikber xahar wara l-ieħor.

Din l-istatistika uriet li r-rata tal-għoli tal-hajja għax-xahar ta’ Ġunju – fuq sena – żdiedet minn 0.7% għal 1.5%. L-Istatistika turi wkoll li meta mqabbel ma’ Mejju kien hemm żieda – minn 1.3 għal 1.5 fil-mija.

L-akbar fattur li kkontribwixxa biex tiżdied l-għoli tal-ħajja huma l-prezzijiet tal-ikel, ħxejjex u xorb.