Sport Sport Ieħor

Malta fil-kampjonati Ewropej taħt id-dsatax -il sena wara nuqqas ta’ ħames snin

Wara nuqqas ta’ ħames snin, l-Assoċjazzjoni Maltija tal-Volleyball se tkun qed terġa tibgħat lit-tim nazzjonali ta’ taħt id-dsatax -il sena biex jieħu sehem fil-kampjonati Ewropej għall-Pajjiżi ż-Żgħar tal-Ewropa. Din is-sena, dawn il-kampjonati se jsiru fl-Iżlanda bejn it-2 u 6 ta’ Settembru, bil-kontinġent Malti jkun mmexxi mill-coach Stefan Decelis u minn Dr Analisse Cassar li hija t-team manager u fl-istess ħin uffiċjal tal-assoċjazzjoni. Barra Malta u l-Iżlanda, f’dawn il-kampjonati se jipparteċipaw ukoll Ġibiltà u l-Gżejjer Faroe. L-iskwadra Maltija se tkun komposta mill-players – Anastasi Francesca, Barbara Joeline, Belzia Gaia, Bondin Paula, Bunce Casey, Busuttil Sophie Ann, Cardona Emma, Falzon Chantelle, Farrugia Paula, Fenech Klyona, Fitz Sara, Micallef Martina, Schembri Jennifer u Vassallo Nicole

Fi stqarrija, il-President tal-Assoċjazzjoni Maltija tal-Volleyball, il-Professur Edward Gatt, tenna li l-kumitat tat-tmexxija tal-assoċjazzjoni qiegħed jaħdem bis-sħiħ biex jagħti aktar esperjenza internazzjonali lill-players Maltin, xi ħaġa li kienet nieqsa għal diversi raġunijiet fl-aħħar snin. “Dan mhux kollox għax hija l-intenzjoni tagħna wkoll li nibnu strateġija biex nippromwovu aktar din id-dixxiplina sportiva mal-istudenti Maltin u anki nsaħħu l-organizzazzjoni tal-kampjonati tagħna. Nieħu l-opportunita’ wkoll biex nawgura kull suċċess lill-players tagħna li se jivvjaġġaw lejn l-Islanda u nirringrazzja lil SportMalta u l-Kumitat Olimpiku Malti tal-appoġġ tagħhom,” ikkonkluda l-Professur Gatt.