Melvin Theuma rritorna fuq il-pedana tax-xhieda f’seduta verament qasira biex jippreżenta prova tal-pussess tal-appartament tiegħu fil-Mosta, li allegatament intuża minn dawk involuti fil-pjan fallut tal-‘hold-up’ tal-bank HSBC tal-2010.
L-intermedjarju li ammetta li kien involut fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia u li ngħata l-proklama kien qed jixhed fil-kumpilazzjoni tal-provi kontra Darren Debono, magħruf bħala “it-Topo”, li flimkien ma’ Vincent Muscat, il-Koħħu, jinsabu akkużati bl-allegat involviment fl-attentat ta’ serq ta’ bank ewlieni fiċ-Ċentru Rużar Briffa, f’Ħal-Qormi.
Fix-xhieda preċedenti, Theuma kien qal li fil-lejla tal-kunċert tal-Isle of MTV f’Ġunju 2010, Alfred Degiorgio kien ċempillu u talbu jmur fil-flat li Theuma kien kera lil Debono xi żmien qabel. Meta Theuma daħal fl-appartament tal-Mosta huwa sab lil Debono fuq sodda, bil-qalziet ta’ ’taħt, bid-demm iqattar fuq kuxtejh.
Degiorgio qal lil Theuma li Debono kienu sparaw fuqu mill-pulizija u talbu biex isib tabib taż-żwiemel biex jieħu ħsieb lir-raġel midrub. Iżda Theuma kien ippanikjat u, qal, “ok, ok,” u telaq ‘l hemm. Theuma rrepeta l-indirizz tal-appartament u mbagħad ta kopja tal-att tal-bejgħ kif mitlub mill-avukat ta’ Debono fis-seduta ta’ qabel.
L-ebda dettal ma ħareġ hekk kif l-avukati Edward Gatt u Mark Vassallo flew dak id-dokument waqt li Theuma segwa fis-skiet mill-pedana tax-xhieda. Ftit tal-minuti wara u mingħajr ebda mistoqsija oħra lix-xhud, il-kontro eżami ta’ Theuma ġie sospiż għal stadju ieħor opportun, jiġifieri fil-proċess mill-ġurija, ”qalet il-qorti.
Hekk kif il-maġistrat Monica Vella ddikjarat li r-rekords tal-atti tal-kumpilazzjoni kellhom jintbagħtu lura lill-Qorti Kriminali, il-prosekuzzjoni mmexxija mis-Supretendent Joseph Mercieca rrimarkat li jista’ jkun hemm xhud ieħor, li jismu Alfred Degiorgio. Jekk dan ikun il-każ, ir-rekords ikollhom jintbagħtu lura quddiem il-Qorti tal-Maġistrati biex dik ix-xhieda tiġi rreġistrata.
//= $special ?>