Raġel ta’ 41 sena minn Birżebbuġa ġie mmultat €700 wara li nstab ħati mill-Maġistrat Victor Axiak li kellu pistola bla liċenzja fil-but tal-karozza tiegħu. Aaron Cassar ġie kundannat iħallas ukoll €500 wara li nstab ħati li kiser il-bail ta’ €20,000 fuq depożitu u garanzija personali li kien ingħaa mill-Qorti għall-ħelsien mill-arrest.
Cassar ma nstabx ħati li sar riċediv. Kien “tip-off’ anonimu li wassal għal sejba ta’ arma tan-nar mingħajr liċenzja fil-but tal-karozza ta’ raġel ta’ 41 sena fil-25 ta’ Mejju li għadda. Huwa kien ġie arrestat wara nofsinhar f’operazzjoni mid-Dipartiment tar-Reati Maġġuri, megħjuna mir-Rapid Intervention Unit. Il-Pulizija qalet li kienet irċeviet informazzjoni li f’Birżebbuġa kien se jsir negozju ta’ armi tan-nar.
L-uffiċjali li marru fuq il-post iċċirkondaw l-vettura tar-raġel f’Birżebbuġa u arrestawh. Cassar dejjem wieġeb wieġeb mhux ħati għall-akkużi li ġarr ta’ arma tan-nar fil-pubbliku mingħajr liċenzja u li kiser il-kundizzjonijiet tal-libertà proviżorja b’garanzija ta’ €20,000.
Huwa kien fuq pleġġ għal allegat attakk ta’ ħruq fuq id-dar ta’ Deniro Magri fl-2018. Fi proċeduri separati, Magri jinsab ukoll akkużat bil-qtil ta’ Sylvester Farrugia fl-2017. Dwar dan il-każ Cassar wieġeb ħati tal-pussess tal-arma iżda mhux ħati tal-akkużi l-oħra.
Meta Cassar kien tressaq il-Qorti dwar il-pistola, l-avukat tiegħu, David Gatt qal li 99% tal-każijiet simili jsiru bħala seduti distrettwali. “Qed nitkellmu dwar pistola antika li ma tiffunzjonax minħabba difetti li ħarġu mill-fabbrika kif se jkun ikkonfermat mill-espert ballistiku.” Kompla jgħid li dwar il-garanzija, din hija parti minn każ ieħor fejn parti terza allegatament sparat u qatel lil xi ħadd.
Gatt kien staqsa x’kien se jagħmel bl-arma. L-Ispettur Wayne Camilleri kkonferma li l-arma ma taħdimx iżda qal li xorta tista’ tiġi sparata. L-akkużat qal lill-pulizija li kien spara biha fuq pallet tal-injam. Il-Qorti meta tresssaq ma kinitx laqgħet it-talba għall-pleġġ wara li nnutat li kellu rekord kriminali ta’ 16-il faċċata. Dan flimkien mal-ksur tal-proċeduri tal-pleġġ kontrih quddiem il-qorti kriminali.
//= $special ?>