Sport Waterpolo

San Ġiljan ma jfallux u jibdew jippreparaw għal-logħba deċiżiva tas-Sibt

Rapport: Stewart Said

SAN ĠILJAN MERCURY TOWERS…… 18

VALLETTA IZIBET…………………………… 6

(4-1), (5-2), (6-1), (3-2)

Kif mistenni, San Ġiljan Mercury Towers ma sabux diffikultà biex jiksbu tliet punti oħra li bihom aċċertaw li jidħlu għall-aħħar logħba tal-kampjonat b’ċans li jirbħuh. Bil-Ġiljaniżi momentarjament laħqu lil Neptunes fil-quċċata b’logħba aktar, huma jittamaw li Neptunes ikunu mwaqqfa mir-rivali Sliema u ikunu jistgħu jirbħu l-kampjonat jekk jirbħu fl-aħħar konfront tas-Sibt li ġej.

Doppjetta ta’ Dino Zammit u gowl ta’ Matthew Zammit taw vantaġġ ta’ 3-0 li minnu Valletta qatt ma rkupraw. Marco Mannino naqqas id-distakk b’gowl ftit fortunat iżda Mattias Ortoleva għen lil San Ġiljan jibdew it-tieni sessjoni 4-1 minn fuq. Doppjetti ta’ Matthew u Dino Zammit flimkien ma’ gowl ta’ Ortoleva kabbru l-vantaġġ għal 9-3.

San Ġiljan komplew jiddettaw il-logħob u żammew il-kwalità ta’ logħob, b’Dino Zammit jerġa’ jiskorja fis-sessjoni, din id-darba tlieta mis-sitt gowls Ġiljaniżi fit-tielet sessjoni. Huma komplew jikkontrollaw u għalkemm saret ftit rotazzjoni, huma xorta rebħu s-sessjoni u rebħu b’distakk kbir ta’ 12-il gowl.

San Ġiljan: R. Coleiro, D. Zahra, A. Galea (2), D. Fero, R. Caruana, M. Zammit (5), B. Plumpton (1), J. Bonavia, D. Ciantar, Da. Zammit, K. Galea (1), Di. Zammit (7), G. Vassallo, M. Ortoleva (2), D. Tully

Valletta: T. Micallef, P. Borg, E. Aquilina (1), M. Stellini, A. Agius, R. Mock (1), D. Paolella, M. Mifsud, N. Farrugia, M. Zammit, N. Zammit (3), N. Lanzon, R. Sciortino, K. Tanti, M. Mannino (1)

Referees: Antonio Torneo. Ronnie Spiteri

Exiles momentarjament fil-quċċata tal-Ewwel Diviżjoni

EXILES………………………. 18

OTTERS NIVEA…………. 7

(4-2), (5-2), (5-2), (4-1)

Exiles kisbu t-tieni rebħa staġjonali kontra Otters Nivea biex telgħu momentarjament fl-ewwel post. Huma jittamaw fi pjaċir mingħand Ta’ Xbiex biex iċaħħdu lil Sirens minn rebħa u b’hekk Exiles ikunu rebbieħa tal-Ewwel Diviżjoni jekk jirbħu fil-konfront dirett is-Sibt li ġej.

It-tim immexxi minn Aurelien Cousin ikkontrolla l-logħba kif mistenni. Huma rebħu l-ewwel 4-2, b’Mark Fenech jiskorja żewġ gowls minnhom minn penalty. Il-vantaġġ kompla jikber għal ħames gowls fit-tieni sessjoni, b’din id-darba kien imiss lis-centre Timmy Sullivan biex jiskorja doppjetta f’sessjoni.

Ir-rimonta improbabbli ta’ Otters ma seħħitx fit-tielet sessjoni u Exiles meritatament għalqu l-logħba. Tripletta ta’ Jake Bajada u gowls minn Timmy Sullivan u Niall Saliba kabbru d-distakk għal 14-6. Exiles rebħu wkoll l-aħħar sessjoni, b’Jake Bajada sab iċ-ċans jiskorja doppjetta oħra u temm il-logħba bħala l-aqwa skorer.

Exiles: M. Castillo, N. Saliba (3), S. Apap, P. Paris, T. Sullivan (3), S. Xerri de Caro, M. Fenech (4), K. Griscti, N. Paris, J. Bajada (6), M. Aquilina (1), D. Fenech (1), G. Borg

Otters: M. Xerri, C. Spiteri Debarro, M. Lanzon, L. Hyzler (3), E. Meli (2), L. Gialanze (1), K. Scicluna, G. Mizzi, D. Dimech, M. Farrugia, Z. Bartolo, O. Zammit (1), D. Spiteri

Referees: Neville Mercieca, Alessandro Roberti