Għawdex Kultura Lokali

Xeni għal opra fl-Italja maħduma mit-Teatru Astra f’Għawdex

Fl-aħħar ġimgħat, it-Teatru Astra tas-Soċjeta Filarmonika La Stella tal-Belt Victoria kien impennjat bil-bini tas-sett tal-opra lirika Cavalleria Rusticana ta’ Pietro Mosconi mtellgħa mill-Coro Lirico Siciliano. Dan is-sett ġie esportat ġewwa Sqallija fl-Italja. Ix-xenografija ser tkun qed tintuża erbgħa darbiet fi produzzjonijiet, tnejn minnhom diġa saru ġo Ġnien Vinċenzo Bellini f’ Catania fl-4 ta’ Awwissu u fit-Teatru Grieg ta’ Tindari fis-7 ta’ Awwissu.  Imiss issa li l-opra tittella fit-Teatru Ruman-Grieg ta’ Toarmina fl-20 ta’ Awwissu u fl-aħħar nett fit-Teatru Grieg ta’ Sirakuża fis-27 ta’ Awwissu. 

Id-disinn ta’ din ix-xenografija gdida sar mill-artist Ghawdxi u xenografu tat-Teatru Astra Joseph Cauchi flimkien ma’ Andrew Portelli.

L-opra lirika fit-Teatru Astra hi sinonima max-xenarju ta’ livell artistiku għoli ħafna u fil-passat riċenti iddistingwa ruhu f’ kull aspett tal-produzzjoni operistika, inkluz ix-xenografija li giet mfahhar mill-pubbliku u l-media. Fuq kollhox din ma’ hijhiex l-ewwel esperjenza għat-Teatru Astra fejn ser tkun qed jesporta il-prodott artistiku tieghu. Lura fis-sena 2014 t-Teatru Astra esporta x-xenarju u kostumi tal-opra lirika ‘Nabucco’ lejn Rimini fl-Italja fejn dawn intużaw f’ żewġ rapreżentazzjonijiet li saru ġewwa Stadio 105 Rimini.

Minħabba l-pandemija Covid-19 għat-tieni sena konsekuttiva t-Teatru Astra kellu jipposponi ż-żewġ rappreżentazzjonijiet tal-opra lirika ‘Carmen’ li kienu skedati li jsiru lejn l-aħħar ta’ Ottubru ta’ din is-sena.

Għalhekk din l-esperjenza ser isservi ta’ opportunita għat-Teatru Astra sabiex anke din is-sena fiċ-ċirkustanzi preżenti iddewwaq parti żgħira mill-potenzjal artistiku tieghu marbut mal-produzzjonijiet tal-opri liriċi li f’ pajjiżna huma sinonimi mal-Belt Victoria u l-gżira Għawdxija, fil-pajjiz li minnu originat  nibtet l-opra, l-Italja!