Lokali

Barrani jwettaq reati f’Venezja u jkun arrestat bis-saħħa ta’ Malti, li hu stess kien vittma tiegħu

Malti ta’ 36 sena li kien fuq vaganza ta’ xi jiem f’Venezja kien essenzjali biex barrani ieħor kien arrestat wara li wettaq reati kriminali fl-aħħar jiem f’din il-belt turistika popolari fl-Italja.

It-Tnejn li għadda l-Malti stess kien vittma tal-ħalliel, Palestinjan ta’ 32 sena, li waqt li kien fi Piazzale Roma (ritratt) seraqlu basket żgħir li kellu ma’ qaddu u li fih kellu aktar minn €6,000 fi flus kontanti, ħames credit cards, mobile u oġġetti oħrajn ta’ valur.

Kif induna x’ġara, il-Malti beda jgħajjat għall-għajjut, filwaqt li beda jidentifika lir-raġel, li ħarab mill-post, bħala l-persuna li kien għadu kif serqu. Kien dan l-għajjat li wassal biex ir-raġel kien arrestat mill-Pulizija lokali. Meta kienu segwiti filmati ta’ cctv cameras fil-viċin, il-Pulizija kkonfermaw il-verżjoni tal-fatti kif irrakkontata mill-Malti.

Aktar investigazzjonijiet tal-Pulizija wasslu biex il-ħalliel kien identifikat bħala l-persuna li l-ġimgħa li għaddiet ħoloq paniku fil-Canal Grande meta qabeż fil-kanal minn Ponte degli Scalzi fost għadd ta’ bċejjeċ tal-baħar li kienu qed jinstaqu. Att meqjus bħala wieħed li jikser il-Liġi.

Wara li kien arrestat, ir-raġel għadda l-lejl arrestat fl-Għassa tal-Pulizija u t-Tlieta tressaq il-Qorti, fejn kien ikkundannat għaxar xhur priġunerija u li ma jistax joqgħod aktar fil-provinċja Veneta. Min-naħa l-oħra, raġel li kien kompliċi miegħu fis-serqa fuq il-Malti ħarab u s’issa għadu ma nstabx.