Hemm bżonn riforma urġenti fil-ħabs. Għal dak li qed jiġri bħalissa trid tinġarr ir-responsabbiltá. It-telf tal-ħajjiet seta’ jiġi evitat. Il-ħabs huwa faċilitá korrettiva mhux vendikattiva – il-ħabs ghandu jħares il-ħajja, d-dinjitá u d-drittijiet tal-ħabsin filwaqt li jassigura li jkun faċilitá ta’ riabilitazzjoni. Għalhekk id-direttur tal-ħabs għandu jwarrab b’mod immedjat.
Dan kien il-qofol ta’ konferenza tal-aħbarijiet li saret dalgħodu quddiem il-Faċilitá Korrettiva ta’ Kordin mill-Kelliem Ewlieni tal-Partit Nazzjonalista Peter Agius, il-kandidat Darren Carabott u Graziella Galea.

Jidher ċar li kemm il-Ministru Byron Camilleri kif ukoll it-tmexxija tal-ħabs tilfu kull kredibbiltá milli jassiguraw li dan isir, u dan minkejja l-appelli kollha li saru.
Il-Partit Nazzjonalista jappella lill-Prim Ministru, li ma jistenniex mewta oħra u minnufih jara li l-proposti tal-Oppożizzjoni, kif ukoll dawk ta’ diversi esperti fis-settur, dwar riforma fil-ħabs, jitwettqu mingħajr aktar dewmien, fosthom li jiġi pprovdut trattament xieraq lill-vittmi tad-droga l’bogħod mill-Faċilitá Korrettiva ta’ Kordin.
Il-poplu għandu dritt jifhem is-sitwazzjoni reali fil-ħabs. Qed isir appell biex il-ġurnalisti jitħallew jidħlu jirraportaw dwar is-sitwazzjoni. Sirna nafu wkoll li mill-ħabs kienu qed jiġu blukkati ċerta numri ta ġurnalisti biex il-priġunieri ma jkunux jistgħu jitkellmu maghom.
Is-sistema preżenti tal-ħabs falliet. Qraba ta’ dawn il-vittmi tas-sistema kienu jistennew li qrabathom joħorġu riabilitati imma minflok ħarġu f’kaxxa.