Internazzjonali

Il-kelliem tat-Taliban juri wiċċu

Fl-aħħar sigħat il-kelliem misterjuż tat-Taliban wera wiċċu għall-ewwel darba fil-pubbliku wara li għal bosta snin ħadem fid-dellijiet fejn konna nisimgħu biss il-vuċi tiegħu fuq it-telefon. Dan ġara lbieraħ meta tfaċċa Zabihullah Majahid li ndirizza l-ewwel konferenza tal-aħbarijiet tat-Taliban. Dan seħħ jumejn wara li huma ħatfu f’idejhom l-Afganistan.

Din il-konferenza tal-aħbarijiet saret fl-istess sigħat li fihom l-ogħla mexxejja politiċi tat-Taliban niżlu lura fl-Afganistan b’titjira mill-Qatar fejn kienu qed jgħixu fl-aħħar xhur.

Dawn l-iżviluppi jaslu waqt li fl-ajruport ta’ Kabul issoktaw it-tirjiet ta’ ripatriazzjoni wara x-xeni ta’ qsim il-qalb li daru d-dinja matul il-jiem ta’ qabel – xeni ta’ persuni li pruvaw jiddendlu mal-ġwieneħ ta’ ajruplan biex jaħarbu minn pajjiżhom bil-konsegwenza li spiċċaw waqgħu għal isfel.

Intant, ilbieraħ, Facebook ħabbar li pprojbixxa mill-pjattaformi tiegħu lit-Taliban u l-kontenut kollu li jappoġġjah hekk kif qed iqis il-grupp bħala organizzazzjoni terroristika. Fi stqarrija l-kumpanija tal-media soċjali qalet li għandha tim ta’ esperti Afgani dedikat biex jissorvelja u jneħħi kwalunkwe ontenut marbut mal-grupp. Dan ifisser li l-projbizzjoni mhux se tkun biss fuq Facebook iżda wkoll fuq Instagram u WhatsApp li jiffurmaw parti mill-kumpanija ta’ Facebook. Dan minkejja li hemm rapporti li t-Taliban qed juża WhatsApp biex jikkomunika.