Il-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Refuġjati, Filippo Grandi, ħeġġeġ lill-pajjiżi tal-Punent biex iwaqqfu d-deportazzjonijiet ta’ ċittadini Afgani fi żmien meta t-Taliban mill-ġdid ħa l-kontroll fuq l-Afganistan.
Diversi pajjiżi Ewropej – fosthom il-Ġermanja u l-Olanda – ħabbru, jiem ilu, li kienu qed jissospendu d-deportazzjonijiet fi żmien meta l-militanti Talibani kienu għadhom qegħdin jaħtfu t-territorji ewlenin fl-Afganistan.
Madanklollu, numru ta’ Stati-membri oħra tal-Unjoni Ewropea wiegħdu biex ikomplu bid-deportazzjonijiet xorta waħda.
Fil-fatt, l-Awstrija, il-ġimgħa l-oħra, wissiet lill-Kummissjoni Ewropea biex ma tostakolax l-impenji biex l-Afgani li qegħdin jaslu fl-Ewropa bil-ħsieb li jingħataw il-kenn politiku ‘jitwarrbu mill-artijiet Ewropej’ f’każ li l-appelli tagħhom ma jkunux aċċettati. L-Awstrijaċi kienu baqgħu jżommu sod fuq dan il-punt minkejja l-avvanzi kontinwi tat-Taliban fit-territorji Afgani.
Min-naħa tiegħu, Filippo Grandi insista bl-importanza li l-Istati ġirien tal-Afganistan – fosthom l-Iran u l-Pakistan – iżommu l-fruntieri tagħhom miftuħin biex jipprovdu ‘rotot ta’ salvazzjoni lill-Afgani li tassew huma mwerwrin mid-destin tagħhom f’pajjiż immexxi mit-Taliban’.
Mhux eskluż, intant, li l-komunità internazzjonali tikkontribwixxi għal programm kbir u fit-tul għar-rilokazzjoni tal-Afgani li jkunu ħarbu minn pajjiżhom.
Hu kkalkulat li ( għalissa) talanqas 550,000 Afgani ilhom minn Jannar jgħixu l-ħajja ta’ refuġjati interni – għalkemm l-ammonti tal-Afgani li qegħdin jaqsmu l-fruntieri internazzjonali, għalissa, qegħdin jidhru limitati.
Intant, fl-aħħar sigħat, numru ta’ ajruplani – minn pajjiżi bħal Franza, il-Ġermanja, l-Olanda u r-Repubblika Ċeka – telqu mill-ajruport ta’ Kabul, waqt li komplew l-evakwazzjonijiet tal-barranin u Afgani mill-Afganistan.
//= $special ?>