Internazzjonali

It-Terremot ta’ Ħaiti: Il-vittmi jitilgħu għal kważi 2,000

Mill-inqas 1,941 persuna huma konfermati li mietu f’Ħaiti fit-terremot qawwi li seħħ is-Sibt li għadda hekk kif fl-aħħar sigħat komplew jinstabu aktar vittmi. Dan filwaqt li kważi 10,000 persuna ndarbu, u ħafna għadhom nieqsa wara t-theżżiża ta’ 7.2 fuq l-iskala Richter. Il-ħidma ta’ salvataġġ li issa ilha għaddejja għal madwar erba’ t’ijiem saret aktar diffiċli minħabba xita qawwija fil-Karibew.

Fi stqarrija n-Nazzjonijiet Uniti qalu li s-sitwazzjoni fil-Haiti hija waħda serja ħafna hekk kif madwar 500,000 tifel u tifla għandhom aċċess limitat jew ebda aċċess għal kenn, ilma u ikel. Għexieren ta’ eluf ta’ nies spiċċaw mingħajr saqajf fuq rashom f’nofs maltemp kbir. Dan it-terremot wassal ukoll biex numru ta’ sptarijiet jispiċċaw bis-sodod kollha mimlija kif ukoll b’nuqqas ta’ provvista ta’ tagħmir mediku.