Malta se tkun qed tieħu sehem fil-Logħob Paralimpiku li għandu jsir f’Tokjo mill-24 ta’Awissu sal-5 ta’ Settembru. Dettalji ingħataw mill-Prof. Joseph Grima, President tal-Malta Paralympic Committee fejn ħabbar li ż-żewġ atleti huma Thomas Borg u Vladyslava Kravchenkov. Din ser tkun l-ewwel darba mill-1980 li Malta se tkun rappreżentata b’żewġ atleti. Filwaqt li għal Thomas Borg – Tokjo 2020 se tkun l-ewwel esperjenza fejn ser jieħu sehem fl-atletika fil-100 metru u l-400 metru – klassifikazzjoni T47 , Kravchenkov kienet ħadet sehem wkoll fil-Logħob Paralimpiku ta’ Rio fl-2016.
Hija ser tieħu sehem fl-għawm – 50 metru butterfly u 50 metru backstroke – klassifikazzjoni SS Il-kontingent Malti se jkun magħmul wkoll mill-kowċis Dr.Edward Caruana Dingli għall-għawm u Kevin Galea għall-atletika filwaqt li Dr.Julian Bajada Segretarju Generali tal-Malta Paralympic Committee se jkun chef de mission tal-kontingent Malti. Filwaqt li Malta ma ħditx sehem fil-Logħob Paralimpiku bejn l-1984 u l-2008 fl-edizzjonijiet ta’ qabel atleti Maltin rebħu xejn anqas minn żewġ midalji tal-fidda u ħames midalji tal-bronż fl-edizzjonijiet ta’ Ruma fl-1960 , Tokjo fl-1964 u Arnheim fl-1980.

