Internazzjonali

Jitlobu l-arrest tal-eks President Afgan, Ashraf Ghani

L-Ambaxxata Afgana fit-Taġikistan talbet lill-INTERPOL biex jarresta lill-eks President tal-Afganistan Ashraf Ghani fuq akkużi li hu seraq mit-Teżor ta’ pajjiżu.. L-akkużi qed ikunu ripetuti jiem wara li l-eks Mexxej Afgan ħarab minn pajjiżu f’ħin meta l-militanti Iżlamiċi tat-Taliban kienu qed jieħdu r-riedni f’Kabul, il-belt kapitali tal-Afganistan.

L-istess ambaxxata Afgana qed titlob ukoll l-arrest ta’ Hamdullah Mohib, l-eks Konsulent Afgan dwar is-Sigurtà Nazzjonali u ta’ Fazel Mahmood, il-Konsulent Ewlieni ta’ Ghani.

It-Taġikistan, bħal diversi pajjiżi oħra, ma rrikonoxxiex uffiċjalment lit-Taliban bħala l-poter amministrattiv il-ġdid fl-Afganistan — madankollu mhux ċar jekk l-INTERPOL hux se jintervjeni biex jarresta lil Ashraf Ghani.

Filwaqt li ftit hemm dettalji dwar ‘il-ħarba ta’ Ghani u l-kollegi tiegħu minn Kabul’, lanqas mhu ċar fejn qiegħed l-eks President Afgan, bħalissa. Dan fost rapporti li Ghani, issa, seta’ ħarab lejn l-Użbekistan jew anki l-Oman — bl-ispekulazzjoni qed tkompli.