It-militanti tat-Taliban fl-aħħar sigħat komplew jikkonsolidaw il-kontroll fuq l-Afganistan wara li xxukkjaw lid-dinja bil-ħeffa – u l-effiċjenza — tal-avvanzi tagħhom fuq l-ibliet prinċipali tal-pajjiż.
Dan meta numri kbar ta’ Afgani huma xettiċi dwar kemm it-Talibani għandhom tassew intenzjonijiet ġenwini, u minkejja li l-militanti Iżlamiċi qegdin iwiegħdu era ġdida ta’ paċi u sigurtà fl-Afganistan.
Għalkemm il-mexxejja u kelliema tat-Talibani qalu li se jagħtu l-maħfriet lil kulmin iġġieled kontra tagħhom — minbarra li jagħtu ‘id-drittijiet sħaħ lin-nisa’ taħt il-liġi Iżlamika — diversi Afgani jemmnu li hi biss ‘kwistjoni ta’ żmien’ sakemm it-Talibani jirritornaw għall-istil preċedenti u brutali ta’ tmexxija, li x’aktarx tkun ikkaratterizzata mill-aktar interpretazzjoni ħarxa tal-liġi Iżlamika.
Fl-era tat-tmexxija preċedenti tat-Taliban ( li damet min-nofs is-snin disgħin sal-aħħar xhur tal-2001) in-nisa kellhom jgħixu taħt ripressjoni kbira fejn fost oħrajn kienu miċħuda minn edukazzjoni u drittijiet bażiċi oħra. Dan waqt li suspettati kriminali kienu msawwtin, imbiċċra u anki maqtula fil-pubbliku – bit-Talibani jipprojbixxu anki l-mużika u programmi tat-televiżjoni għall-poplu.
Ir-residenti f’Kabul, il-kapitali tal-Afganistan, issa jridu jgħaddu minn diversi checkpoints biex jaqsmu minn zona għall-oħra u li jinkludu z-Zona l-Ħadra – is-sede għall-ambaxxati u residenzi tad-diplomatiċi barranin.
Min-naħa tiegħu, il-Prim Ministru tar-Renju Unit, Boris Johnson, sostna li r-reġim ġdid li ħa l-kontroll fl-Afganistan irid ikun iġġudikat mill-azzjonijiet tiegħu. Hu tenna li l-pajjiżi jiżbaljaw jekk jirrikonoxxu lir-reġim Talibani jew jaċċettaw xi għarfien bilaterali ta’ dan ir-reġim ‘mingħajr forom ta’ skrutinju’.
Johnson irid li l-kumplament tad-dinja jaħdmu lejn ‘pożizzjonijiet komuni’ f’din is-sitwazzjoni qabel jirrikonoxxu lit-Tmexxija ġdida tal-Afganistan. Skont hu, ir-reġim Afgan għandu jkun analizzat fuq l-għażliet u l-azzjonijiet tiegħu aktar milli l-kliem li ħareġ bihom s’issa.
Fl-aħħar sigħat ukoll kien ikkonfermat li r-Renju Unit għandu jirdoppja l- għajnuna – fuq livell umanitarju u minn lat ta’ żvilupp – li l-Britanniċi kienu wiegħdu, qabel, lill-Afganistan. Dan waqt li l-Parlament f’Londra ltaqa’ għal dibattitu ta’ emerġenza dwar l-iżviluppi li qed jaffettwaw direttament lill-poplu Afgan.
Fl-aħħar sigħat, il-mexxejja ewlenin tar-reġim ġdid tat-Taliban kienu mistennija jaslu f’Kabul wara li huma kienu waslu fil-belt Afgana ta’ Kandahar, wara snin ta’ eżilju.
Sadanittant, kelliema għall-White House fl-Istati Uniti qalu li t-Talibani wiegħdu li se jippermettu biex iċ-ċivili jivvjaġġaw mingħajr periklu lejn l-ajruport ta’ Kabul. Dan meta l-evakwazzjonijiet ta’ ċivili mill-Afganistan mistennija jkomplu matul il-jiem li ġejjin.
Fl-aħħar sigħat kien hemm ukoll waqtiet ta’ inkwiet fil-belt Afgana ta’ Jalalabad. Dan meta filmati li bdew jiċċirkulaw fuq il-media soċjali indikaw l-isparaturi waqt li n-nies fil-belt kienu qed jipprotestaw kontra l-użu tal-bandiera tat-Taliban fl-Afganistan. Il-filmati f’Jalalabad juru lid-dimostranti qed ixejjru l-bandiera Afgana qabel jinstemgħu diversi tiri, u bil-folla tinfirex mal-ewwel.
//= $special ?>