Internazzjonali

“Mhux se mmexxu bi tpattija…imma se nimxu max-Sharia” – it-Talibani

Ma taqta’ xejn it-tensjoni fl-Afghanistan wara li t-Talibani ħadu l-kontroll tal-pajjiż. S’issa, mijjiet ta’ diplomatiċi, flimkien ma’ eluf ta’ nies ċivili diġa’ ġew evakwati mill-Afghanistan. It-titjiriet Amerikani minn Kabul, weħidhom, evakwaw diġa’ 3,200 persuna.

Fl-aħħar sigħat sar magħruf illi wieħed mill-fundaturi tat-Taliban, il-Mullah Baradar, irritorna fl-Afghanistan mill-Qatar wara li kien eżiljat f’dan il-pajjiż.

It-Talibani qed jgħidu li mhux se jimxu bi tpattija ma’ dawk li appoġjaw lill-forzi Amerikani. “Ma rridux għedewwa – la fostna u lanqas minn barra”, qal il-kelliem tal-grupp Iżlamiku. Fl-istess waqt, stqarr illi se jkunu qed imexxu bil-liġi tax-Sharia.

Il-mexxejja Talibani qed jinsistu wkoll li mhux se jmexxu b’diskriminazzjoni kontra n-nisa.