Lokali

Mid-diskors il-Gvern għandu jgħaddi għall-fatti biex jaħtaf kull tip ta’ opportunità – il-PN

Waqt li l-intrapriżi privati qed jaħdmu biex ikunu minn tal-ewwel li jgawdu mill-opportunitajiet li toffri ekonomija ħadra, il-Gvern Malti hu tajjeb biss biex jitkellem u jwiegħed proġetti li għadhom ‘il bogħod ħafna biex jitwettqu u li fir-realta’ huwa ċar li għal dawn l-aħħar seba’ snin ma kellux pjan kredibbli dwar kif ser iwettaqhom.

Il-Gvern qed jimmira li sal-2030 f’Malta jkun hawn 65,000 karrozza li jaħdmu bl-elettriku. Din il-wegħda tfisser li f’Malta jridu jsiru tal-anqas 7,000 post ta’ charging (charging pillars) għall-karrozzi, madankollu meta wieħed iħares lejn dak li sar għal dawn l-aħħar seba’ snin ma kienx installat charging pillar wieħed u għalhekk l-infrastruttura llum mhux possibli tkopri d-domanda, li għadha waħda pjuttost żgħira.

Fi stqarrija ffirmata mill-Kelliem għall-Ekonomija l-Ħadra u l-Proġetti Kapitali David Thake, il-Partit Nazzjonalista qal li kontra dak li qalet illum Il-Ministru Miriam Dalli li l-gvern qiegħed kontinwament jinċentiva lil dan is-settur biex ikompli jikber u jisaħħaħ, il-mira tal-gvern li jkollna 65,000 karozza EV ghalhekk huwa biss kliem sabiħ li warajhom ma hemm ebda pjan konkret sabiex dan isir realtá.

Partit Nazzjonalista fil-gvern iwiegħed infrastruttura adekwata għall-charging ta’ vetturi, li warajha jkun hemm sistema b’saħħitha ta’ distribuzzjoni ta’ elettriku. Ma’ dan ikun hemm ukoll rati ġusti li jinkoraġġixxu kemm lill-investituri privati u anke lill-poplu biex ikompli jinvesti f’din it-teknoloġija.

Il-Partit Nazzjonalisa jsostni li mill-kliem il-Gvern għandu jgħaddi għall-fatti u verament jinvesti biex jaħtaf kull opportunitá li din it-tip ta’ ekonomija ġġib magħha, temmet tgħid l-istqarrija.