Sport Waterpolo

Sliema jagħtu gambetta lil Neptunes … stennija għall-konfront tas-Sibt li ġej

Rapport: Stewart Said

NEPTUNES………………………….. 5

SLIEMA FRANK SALT………….. 6

(0-1), (2-2), (2-0), (1-3)

Wara kważi nuqqas ta’ tliet snin, Sliema Frank Salt irritornaw jegħlbu lil Neptunes fil-Kampjonat tas-Sajf. Dakinhar fit-tmexxija tat-tim kien hemm Sergio Afric, fil-preżent hemm Beto Fernandez, kowċ li qed iħalli l-impatt tiegħu fit-tim Slimiż.

Sliema kienu dixxiplinati fid-difiża u għalkemm ma kinux brillanti tul il-logħba kollha, ir-rebħa tista’ titqies meritata. B’dan ir-riżultat, Sliema għamlu pjaċir kbir lil San Ġiljan hekk kif issa Neptunes u San Ġiljan jinsabu t-tnejn b’24 punt qabel il-konfront deċiżiv ta’ bejniethom is-Sibt li ġej.

Neptunes iddiżappuntaw hekk kif matul il-logħba, rari dehru li setgħu jirbħu l-logħba, b’nuqqas ta’ preċiżjoni li normalment ikollhom. It-tim deher li ma kienx magħqud biżżejjed u l-ħafna blalen fis-centre ma kellhomx l-impatt mixtieq, b’Jeremy Abela jkun imrażżan tajjeb. Huma skorjaw biss gowl minn tmien okkażjonijiet ta’ man-up.

Jerome Gabarretta fetaħ l-iskor fit-tieni parti tal-ewwel sessjoni minn qagħda ideali għalih. Il-vantaġġ tas-Slimiżi kien meritat għaliex kienu organizzati fid-difiża aktar mill-avversarji. F’żewġ okkażjonijiet fit-tieni sessjoni, Sliema rduppjaw il-vantaġġ iżda Stevie Camilleri wieġeb fiż-żewġ okkażjonijiet u ħalla d-distakk għal gowl fil-bidu tat-tielet sessjoni. Jordan Camilleri ġab id-draw u Jake Muscat poġġa lil Neptunes minn fuq għall-ewwel darba fl-uniku man-up skorjat għalihom.

Iżda s-Slimiżi wettqu reazzjoni fil-bidu tal-aħħar sessjoni, u b’gowl sabiħ ta’ Gabarretta u Jamie Gambin dawru r-riżultat. Sam Gialanze falla l-opportunità tal-5-5 u mill-attakk sussegwenti, Liam Galea rdoppja l-vantaġġ. Stevie Camilleri ħalla lil Neptunes jittamaw b’penalty minuta mit-tmiem, iżda ma kienx biżżejjed biex jevita t-telfa. Ġustifikat il-ferħ ta’ Sliema mat-tisfira finali.

Neptunes: A. Borg Cole, J. Muscat (1), L. Calleja, G. Pace, M. Castillo, J. Spiteri Staines, S. Camilleri (3), J. Camilleri (1), J. Abela, M. Spiteri Staines, A. Fenech, S. Gialanze, A. Bugeja

Sliema: N. Grixti, J. Gabarretta (2), L. Galea (1), M. Meli, B. Cachia, N. Schiavone, M. Mifsud (1), J. Brownrigg, J. Gambin (2), Z. Mizzi, N. Bugelli, Z. Sciberras

Referees: Alex de Raffaele, Antonio Torneo

L-ewwel rebħa fil-Kampjonat Premier

BIRŻEBBUĠA FREEPORT…………….. 2

M’SKALA FISH AND FISH………….. 7

(0-1), (1-1), (0-2), (1-3)

Paul Privitera reġa’ kien strumentali biex Marsaskala Fish and Fish għelbu lil Birżebbuġa Freeport. B’din ir-rebħa, Marsaskala għadhom b’ċans li jevitaw l-aħħar post fil-Kampjonat Premier.

Jean Claude Cutajar poġġa lil Marsaskala fil-vantaġġ bl-uniku gowl fl-ewwel sessjoni. Paul Privitera rdoppja kmieni fit-tieni sessjoni minn man-up, b’David Pace Lupi jnaqqas id-distakk.

Birżebbuġa naqsu li jwettqu reazzjoni u l-vantaġġ ta’ Marsaskala kiber għal 4-1 b’gowls ta’ Cutajar u Malcolm Manara. It-tim ta’ Arpad Babay aċċerta mir-rebħa fl-ewwel nofs tal-aħħar sessjoni minn penalty u gowl mill-isbaħ ta’ Paul Privitera. Luca Felice għamilhom 7-1 minn man-up, b’Pace Lupi jiskorja l-aħħar gowl tal-logħba.

Birżebbuġa: M. Rossi, J. Farrugia, N. Cassar, D. Pace Lupi (2), D. Incorvaja, P. Serracino, S. Vassallo, M. Curmi, M. Bonnici, M. Borg, R. Spiteri, S. Fava, L. Abela, B. Grech, G. Sammut

Marsaskala: J. Micallef, J.C. Cutajar (2), A. Camenzuli, P. Privitera (3), G. Sammut, L. Grixti, K. Navarro, M. Manara (1), S. Micallef, L. Felice (1), J. Ciantar, M. Carani, A. Muscat

Referees: Peter Balzan, Alessandro Roberti

Sirens jevitaw is-sorpriżi

SIRENS MECCA MARIN…………. 24

TA’ XBIEX AMIGOS………………… 4

(4-1), (6-1), (7-2), (7-0)

Sirens Mecca Marin evitaw is-sorpriżi u ġabu fix-xejn lil Ta’ Xbiex Amigos. B’hekk pattew għat-telfa li sofrew fl-4 ta’ Awwissu kontra ż-żgħażagħ ta’ Ta’ Xbiex u reġgħu jinsabu punti ndaqs ma’ Exiles qabel l-aħħar konfront tal-kampjonat bejniethom is-Sibt li ġej.

Il-logħba ftit kienet storja, b’Sirens jiftħu l-iskor fl-ewwel attakk tal-logħba u baqgħu jkabbru l-vantaġġ tul il-logħba. Matthias Azzopardi skorja doppjetta, b’Sirens jirbħu l-ewwel sessjoni 4-1. Jacob Sciberras skorja nofs il-gowls ta’ Sirens fit-tieni sessjoni u prattikament aċċertaw mir-rebħa b’vantaġġ ta’ 10-2. Il-gowls komplew ġejjin, b’sitt plejers differenti jiskorjaw is-seba’ gowls ta’ Sirens fis-sessjoni. Fl-aħħar sessjoni, Jacob Sciberras skorja tripletta filwaqt li Ken Erodgan skorja doppjetta.

Sirens: G. Galea Curmi, M. Grech (2), K. Erdogan (6), J. Sciberras (6), J. Zerafa Gregory (2), G. Farrugia (2), M. Sciberras (1), I. Riolo (1), J. Napier, T. Said (1), L. Caruana, M. Azzopardi (2), O. Gauci, L. Grech Carr

Ta’ Xbiex: R. Greco, Z. Cutajar Licari, J. Pace Mizzi, J. Cassar, M. Demarco, J. Saliba, J. Cutajar (1), K. Borg, S. Azzopardi, E. Schembri (2), D. Rizzo (1), D. Galea Mule

Referees: Stefan Licari, Andrea Torneo