Aktar Maltin u Għawdxin qed iħossu li l-Gvern Laburista abbandunahom u nesihom b’ħafna wegħdiet sbieħ li, iżda, baqgħu fuq l-ixkaffa.
Issa kien imiss in-nies tal-Kalkara, bis-Sindku Laburista Wayne Aquilina jikkummenta fuq Facebook kif il-Bajja tar-Rinella tħalliet abbandunata, minkejja s-snin ta’ wegħdiet li se tiġi rranġata. Hu kien qed jirreaġixxi għall-istorja fuq is-sit elettroniku tax-Xandir tal-Istat dwar proġett biex titkabbar il-Bajja tal-Għadira, fil-Mellieħa, fejn jikkontesta l-Ministru tat-Turiżmu Clayton Bartolo.
F’ismu, f’isem il-Kunsill, iżda fuq fuq kollox f’isem ir-residenti, is-Sindku stieden lill-Gvern, partikolarment lid-Deputati u Kandidati tat-tieni distrett biex, jekk verament iridu jagħtu kas il-polz tal-poplu, għandhom jingħaqdu biex din il-Bajja terġa’ tieħu r-ruħ.
Is-Sindku Laburista qal li ilu jiġi mwiegħed studji dwar il-Bajja tar-Rinella, iżda dawn l-istudji s’issa għadhom qatt ma taw ir-riżultati meħtieġa biex din tieħu r-ruħ. Hu rrefera fost l-oħrajn għan-nuqqas ta’ ramel li telaq b’mod naturali maż-żmien, iżda wkoll għad-diżastru infrastrutturali, b’toroq sfrundati u perikolużi, ħitan se jaqgħu, kif ukoll nuqqas ta’ parkeġġ u aċċessibbiltà.
Kumment twil ta’ karba biex il-Gvern ma jibqax għaddej bħal romblu minn fuq din iz-zona …u li sab l-appoġġ ta’ ħafna residenti tal-Kalkara u l-madwar, li fost l-oħrajn innutaw kif it-tieni distrett illum spiċċa saħansitra mingħajr Ministru, minkejja li l-Partit Laburista għandu maġġoranza assoluta ta’ voti minn dan id-distrett u allura, il-Laburisti jittieħdu forgranted.
Kien hemm min għamel referenza għall-fatt li anke l-Pixxina tal-Kumpless Sportiv għadha ma tlestietx u xi ħadd ieħor ikkummenta kif anke l-Moll tal-Lanċa f’Bormla ntesa, tant li ilu tliet snin li nbeda u għadu mhux lest.
//= $special ?>