Lokali

FILMAT: Il-Maltin inkwetati dwar l-għoli tal-ħajja

Diversi persuni qed ikunu affettwati miż-żieda fil-prezzijiet speċjalment prezzijiet ta’ affarijiet bażiċi u ta’ bżonn, li wieħed ma jistax jgħaddi mingħajrhom, tant li mhux jirnexxilhom ilaħħqu sal-aħħar tax-xahar u jkollhom joqgħodu nieqsa anke minn affarijiet essenzjali.

Net News fl-aħħar jiem żar il-Belt Valletta fejn staqsejna lin-nies x’jaħsbu dwar l-għoli tal-ħajja f’pajjiżna u  x’ihuma l-aktar affarijiet li żdiedu fil-prezz, fejn fost l-oħrajn l-aktar li spikkaw kienu il-mediċini u prodotti li jinxtraw mis-supermarket, bħall-ikel. Staqsejna ukoll lill-familji u l-pensjonanti jekk jirnexxilhomx ilaħħqu sal-aħħar tax-xahar bil-paga jew inkella bil-pensjoni li jaqilgħu, b’diversi jgħidulna li sfortunatament ġieli lanqas ikunu jistgħu jixtru l-affarijiet essenzjali kollha li wieħed ikollu bżonn ta’ kuljum.

Filfatt, ċifri li ġew ippublikati f’Ġunju li għadda mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika ikkonfermaw il-problema tal-prezzijiet għoljin f’pajjiżna. Din l-istatistika uriet li r-rata tal-għoli tal-hajja għax-xahar ta’ Ġunju – fuq sena – żdiedet minn 0.7% għal 1.5%. L-Istatistika turi wkoll li meta mqabbel ma’ Mejju kien hemm żieda – minn 1.3 għal 1.5 fil-mija.