Illum fil-Qorti ġiet diskussa t-talba għall-ħelsien mill-arrest tal-imprenditur Yorgen Fenech. Fenech jinsab akkużat b’kompliċità fl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. Din mhix l-ewwel darba li Fenech għamel talba sabiex jingħata l-ħelsien mill-arrest.
Hu kien ġie arrestat f’Novembru tal-2019 u għalhekk ilu aktar minn 20 xahar jinżamm taħt arrest preventiv.
Waqt din is-seduta, telgħet tixhed Patricia Fenech, omm Yorgen Fenech sabiex tagħmel garanzija għal binha.
Omm Fenech sostniet li jekk jikser imqar nofs waħda milli tgħidlu l-Qorti, hija stess kienet se tirrappurtah.
Yorgen Fenech qed jiġi rappreżentat minn Dr Charles Mercieca, Dr Gianluca Caruana Curran u Dr Marion Camilleri. Filwaqt li l-familja Caruana Galizia hija rappreżentata mill-Avukati Therese Comodini Cachia u Jason Azzopardi.
Il-każ instema’ mill-Imħallef Giovanni Grixti.
//= $special ?>