Internazzjonali

Afganistan: Jistgħu jibqgħu xi truppi Amerikani….Joe Biden mhux jaċċetta li saru żbalji li rriżultaw fi kriżi umana

Il-President tal-Istati Uniti, Joe Biden, qal li t-truppi Amerikani jistgħu jibqgħu fl-Afganistan anki wara d-data stabbilita – jew deadline – għat-tluq tagħhom mill-pajjiż. Intant – u minkejja li Biden irid li l-qawwiet ta’ pajjiżu jkunu ‘barra mill-Afganistan’ sal-aħħar tax-xahar — hu minnu li għad hemm mal-15,000 ċittadin Amerikan fit-territorji Afgani.

Joe Biden anki qed jirrifjuta kategorikament li jaċċetta xi ħtija inkella li setgħu saru l-iżbalji li permettew għall-kriżi umana li qed tiżviluppa fl-Afganistan.

Biden, fil-fatt, insista li t-taqlib li d-dinja qed tara bħalissa fl-Afganistan kien inevitabbli —  iżda deher ferm skomdu meta l-media kkonfrontatu dwar il-filmati tal-Afgani ddisprati qegħdin jaqgħu minn ajruplan li kien tiela mill-ajruport ta’ Kabul. Dan waqt li l-President Amerikan wieġeb biss li ‘dawk ix-xeni kienu seħħew erba’ jew ħames ġranet ilu’.

Fl-istess ħin, Joe Biden jinsab taħt pressjoni dwar l-evalwazzjoni, ix-xahar li għadda, fejn qal li ‘kienet ħaġa improbabbli li t-Talibani jieħdu r-riedni fl-Afganistan’. Biden kien irrefera għal rapporti tas-servizzi sigrieti li ‘il-possibbiltà ta’ Afganistan immexxi mit-Talibani kellha tkun aktar valida għall-aħħar tas-sena’.

Bħalissa, l-Istati Uniti qed tistinka biex tevakwa liċ-ċittadini tagħha kollha mill-Afganistan, l-istess bħal għexieren ta’ eluf ta’ Afgani li jinkludu eks-interpreti mal-militar Amerikan. Dan meta l-Pentagon f’Washington qed jaħseb biex iżid l-‘airlift’ ta’ persuni ’il barra mill-Afgan għal 9,000 kuljum.