Internazzjonali

Covid-19: L-Indja tistinka biex tevita l-impatt tat-tielet mewġa

L-Indja qed iżżid il-programmi tat-tilqim għal kontra l-Covid-19 waqt impenn iddisprat biex il-pajjiż jevita tielet mewġa ta’ infezzjonijiet fatali.

L-awtoritajiet f’dan il-pajjiż taw ‘il fuq minn 8.81 miljun doża tal-vaċċin f’24 siegħa u li hu l-akbar ammont ta’ tilqim għal jum wieħed mindu l-Indja bdiet bil-programm partikulari.

Madankollu, s’issa tlaqqmu biss 13 fil-mija tal-poplu eliġibbli għall-vaċċin u li jfisser li l-maġġoranza tal-Indjani għadhom f’sitwazzjoni vulnerabbli.

L-Indja, li għandha 32 miljun każ tal-Covid, hi t-tieni l-agħar pajjiż affettwat wara l-Istati Uniti. Intant, l-Indja hi wkoll fost it-tliet pajjiżi li rreġistraw ‘il fuq minn 400,000 mewta dovuta għall-coronavirus –.l-istess bħall-Istati Uniti u l-Brażil.

U waqt li l-Gvern Indjan qed jaħseb biex ilaqqam lill-Indjani kollha sal-aħħar ta’ din is-sena, mhux mistenni li jilħaq it-tragwardi tiegħu minħabba n-nuqqas ta’ provvisti tal-vaċċin u l-fatt li għad hemm ħafna ċittadini li huma xettiċi dwar it-tilqima.