Internazzjonali Lokali

“Dak li qed jiġri fl-Afganistan jista’ joħloq żewġ problemi għall-Ewropa” – Tonio Borg

Fl-isfond ta’ dak li qed jiġri fl-Afganistan, tkellimna ma’ Tonio Borg – eks Ministru tal-Affarijiet Barranin u eks Kummissarju Ewropew. Staqsejna jekk dak li qed jiġri barra minn xtutna, jistax jaffetwa lir-reġjun tal-Ewropa u lil pajjiżna.

Tonio Borg saħaq li dak li qed jiġri fl-Afganistan jista’ joħloq żewġ problemi għall-Ewropa u potenzjalment anke għal Malta.

L-ewwel problemaL-Influss Migratorju: – “Eluf qed jaħarbu u x’imkien se jmoru. Hawn Malta rari ġew nies mill-Afganistan imma fl-Ewropa jistgħu jidħlu u l-pajjiżi Ewropej diġa qed jiltaqgħu biex jiddiskutu dwar dan. “Kien hemm proposta biex dan is-suġġett jiġi diskuss ukoll fil-G7 biex issir preparazzjoni għal dan l-influss.” Tonio Borg sejjaħ din l-ewwel problema bħala waħda reali.

It-tieni problema (hija waħda potenzjali)it-Terroriżmu: – “Ma ninsewx li t-Taliban jinsabu fil-lista terrorista madwar id-dinja kollha allura hemm din il-biżgħa. Il-Ministri tal-Intern fl-Ewropa qed jitkellmu biex jaċċertaw li din il-bidla fir-reġim ma tirriżultax f’attakki terroristiċi. Forsi għadu kmieni pero tajjeb li wieħed iżomm dan f’moħħu.” Tonio Borg stqarr li anke jekk huwa minnu li t-Taliban se jkunu qed imexxu bi still differenti minn dak preċedenti, irid ikun aċċertat li mhux se jħallu gruppi terroristiċi oħrajn jaħdmu mill-Afganistan.