Lokali

“Dinjità, rispett” – protesta siekta mill-MŻPN quddiem il-ħabs

Appell għar-rispett, appell għad-dinjità.

Dan kien il-qofol tal-messaġġ fi protesta siekta quddiem il-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin mill-Eżekuttiv tal-Moviment Żgħażagħ Partit Nazzjonalista. Messaġġ li jirrifletti l-karba tal-ħafna wara l-mewt ta’ żagħżugħ ieħor waqt li kien għar-riabilitazzjoni fil-Faċilità Korettiva ta’ Kordin.

Net News ħa l-kummenti ta’ Gabriel Micallef, il-President tal-MŻPN fejn saħaq il-messaġġ li dawk il-persuni li jkunu qed jaffaċċjaw sentenza ta’ ħabs għandhom ikunu stmati b’dinjità.

L-appell tal-MŻPN huwa biex ikun hemm riforma sħiħa fil-ħabs li tħares il-ħajja, d-dinjità u d-drittijiet tal-ħabsin filwaqt li tirrispetta lir-rwol tagħha bħala faċilità ta’ riabilitazzjoni u mhux ta’ vendikazzjoni. L-appell issokta biex ir-riforma li jeħtieġ li ssir, issir illum qabel għada, fosthom ukoll li jkunu pprovduti trattamenti xierqa lill-vittmi tad-droga ‘l bogħod mill-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.

Il-Partit Nazzjonalista ilu għal dawn l-aħħar jiem jappella lill-Gvern biex jieħu azzjoni mill-aktar fis, u jara l-proposti tal-PN u kif ukoll dawk ta’ diversi esperti fis-settur, dwar riforma li hija tant u tant meħtieġa fil-ħabs.