Ambjent Lokali

Il-Gvern irid juri l-viżjoni tiegħu biex Malta tinvesti €9 miljun mill-aktar fis fil-biedja Maltija – PN

Il-Partit Nazzjonalista jawgura r-risq lill-bdiewa li gawdew minn fondi Ewropej li issa jista’ jkomplu jipproduċu l-prodott Malti bnin u frisk. Dawn il-bdiewa rnexxielhom jġibu l-fondi minkejja l-burokrazija fl-applikazzjonijiet li jeħtieġ tiġi simplifikata biex nippermettu li ħafna aktar bdiewa jaċċessaw fondi Ewropej.  

Il-PN permezz ta’ stqarrija mill-kelliema Edwin Vassallo, Kelliem għall-Agrikoltura, Sajd u n-Negozji ż-Żgħar u Kevin Cutajar, Kelliem għall-Fondi Ewropej u l-Għaqdiet Volontarji qal li l-Gvern u s-Segretarju Parlamentari ftit li xejn għandhom biex jiftaħru b’investimenti bħal dawn li ġew bis-saħħa tal-pakkett ta’ fondi fuq seba’ snin tal-amministrazzjoni nazzjonalista. Minflok, il-Gvern issa jeħtieġ juri l-viżjoni tiegħu biex Malta tinvesti €9 miljun mill-aktar fis fil-biedja Maltija biex tirkupra mill-effetti tal-pandemija.

Dawn huma fondi li pajjiżi oħra diġa’ bdew jonfqu sa minn Lulju u li Malta għadha lanqas biss tat ħjiel kif ser jintefqu, tant hu hekk li ma jissemmewx fil-pjan ta’ rkupru mressaq mill-Gvern.  

Barra minn dan il-Gvern għadu jrid iniedi proċess ta’ konsultazzjoni li għandu jinvolvi wkoll għaqdiet ta’ bdiewa biex naraw kif ser nonfqu b’mod strateġiku il-190 miljun fondi Ewropej allokati ghal-perijodu 2021-2027. Dawn jeħtieġ jiġu investiti b’mod li jindirizzaw ukoll fil-ħoloq dgħajfa fil-produzzjoni u l-marketing tal-prodott Malti.

Il-Partit Nazzjonalista ser ikompli jkun il-vuċi tal-bdiewa, raħħala, sajjieda u dawk li jitimgħu lill-familji tagħna billi jressaq proposti dettaljati f’dan is-settur ukoll.