Knisja Lokali

Is-Sibt li ġej id-Dumnikani tal-Birgu jilqgħu r-relikwja tal-kranju ta’ San Duminku

Sabiex jitfakkar it-8 ċentinarju mill-mewt tal-Patrijarka San Duminku, il-Patrijiet Dumnikani tal-Birgu ħasbu li jġibu Malta r-relikwja tal-kranju ta’ San Duminku li tinżamm ġewwa l-Monasteru tas-Sorijiet Dumnikani ta’ Monte Mario f’Ruma.

Nhar is-Sibt 21 t’Awwissu 2021 ir-relikwja tasal Malta fil-11:30 ta’ filgħodu u tibqa’ sejra għall-Kunvent tal-Lunzjata tal-Patrijiet Dumnikani tal-Birgu.

Filgħaxija mbagħad ikun hemm quddiesa kantata fis-6:15 immexxija mill-Kan. Dun Marc Andre Camilleri, kappillan ta’ Raħal Ġdid u Rettur tal-Bażilika ta’ Kristu Re. Wara fis-7 ta’ filgħaxija tibda Traslazzjoni Solenni bir-relikwija ta’ San Duminku, u wara jsir il-kant tal-Antifona, tingħad it-Talba tal-Għasar Solenni, u tingħata l-Barka Sagramentali.

Din iċ-ċelebrazzjoni timmarka l-ftuħ ta’ ġimgħa festi solenni fil-Birgu f’ġieħ il-Patrijarka San Duminku, li jilħqu l-qofol tagħhom bejn it-28 u 29 t’Awwissu 2021 biċ- ċelebrazzjonijiet f’dawk il-jumejn ikunu mmexxija mill-Kardinal Michael L. Fitzgerald

Aktar tagħrif dwar il-programm jista’ jinkiseb minn www.opbirgu.org/programm.