“Il-Faċilità vendikattiva ta’ Kordin – tmexxija fil-ħabs li qed toħloq aktar vittmi” – Dan kien il-mod li bih iddeskriva l-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin, l-opinjonista Peppi Azzopardi meta kien intervistat mis-sit LovinMalta. Peppi Azzopardi kien qed jitkellem wara l-mewt ta’ priġunier ieħor – it-13-il mewta fil-ħabs – 12 minnhom taħt it-tmexxija tal-Kurunell Alex Dalli.
U meta l-indikazzjoni li ngħatajna kienet li l-aħħar fatalità, Colin Galea, qatt ma wera li seta’ jneħħi ħajtu b’idejh, Peppi Azzopardi sfida lill-awtoritajiet, u saħaq li din hi gidba. Hu saħaq li sentejn ilu Colin kien diġa qed juri sinjali li ried jagħmel suwiċidju. “Dan il-ġuvni talab lill-ufficjali biex jagħtuh ix-xogħol. Ried li jaħdem fil-ħabs u qalulu le. Beda jsabbat rasu mal-ħajt. Taraħ hekk ma tgħaddilekx minn rasek li tiċċekja x’qed jiġri u tirraporta? Mhux vera ma kienux jafu, ġew jaqgħu u jqumu.”
Azzorpardi żvela wkoll dettalji dwar it-12-il vittma tal-ħabs – mara li wkoll pruvat tneħħi ħajjitha b’idejha, u mietet fl-Isptar. Hu saħaq li l-Magistrat fis-sentenza tagħha kienet qalet lit-tmexxija tal-ħabs biex tieħu ħsiebha minħabba problema ta’ droga. “Kellha kollox irranġat mal-Caritas, ma ħallewiex tmur, lanqas sessions online ma ħallewha tagħmel. Imbad x’għamlet, qatlet lilha nnifisha.”
Peppi Azzopardi kien mistoqsi dwar it-tmexxija tal-ħabs fejn kellu kliem iebes fil-konfront tal-Gvern u tal-Kurunell Alex Dalli, li minkejja li qed jaffaċċja kritika qawwija, qed jibqa’ jżomm postu fit-tmexxija tal-ħabs bil-Prim Ministru Robert Abela jibqa’ jagħtih il-fiduċja. L-unika soluzzjoni tal-Gvern wara 13-il metwa f’temp relattivament qasir ta’ zmien kienet li ssir Inkjesta.
Il-prezentatur Peppi Azzopardi spjega kif 7 minn kull 10 priġunieri li joħorġu mill-ħabs, jerġgħu jispiċċaw il-ħabs – xhieda li s-sistema qed tfalli, u fattur ewlieni għaliex il-ħabs qed ikun dejjem mimli iktar milli jiflaħ. Intant, Peppi Azzopardi fakkar kif flimkien mad-Dekan Andrew Azzopardi, ħarġu b’100 proposta dwar kif is-sitwazzjoni fil-ħabs tista’ titranġa – proposti li jsegwu dawk li ressaq anke il-Partit Nazzjonalista ġimgħat ilu.
//= $special ?>