Internazzjonali

L-Afganistan: Eżodu ma jaqta’ xejn fost ritorn lejn iż-żmenijiet tad-dlam

L-eżodu tan-nies mill-Afganistan kompla fl-aħħar sigħat, bil-Istati tal-Punent qegħdin jevakwaw liċ-ċittadini tagħhom — flimkien mal-Afgani li kienu jaħdmu għalihom — mill-pajjiż li mill-ġdid jinsab taħt it-tmexxija tal-militanti Iżlamiċi tat-Taliban għall-ewwel darba mill-aħħar xhur tal-2001.

Intant, kollox jindika li l-Afganistan qed imur lura għall-era tad-dlam taħt it-Talibani fost indikazzjonijiet ta’ metodi brutali u ripressivi fil-konfront tal-poplu u minkejja li l-kelliema għall-militanti qed jirrepetu l-wiegħdiet dwar ‘is-sigurtà u s-serħan il-moħħ tal-poplu’.

Fl-aħħar sigħat, it-Talibani tellgħu numru kbir ta’ checkpoints madwar Kabul fost rapporti li diversi Afgani spiċċaw imsawwtin mill-gwardjani tat-Taliban waqt li fi triqthom lejn l-ajruport internazzjonali ta’ Hamid Karzai.

Ir-rapporti qed jgħidu li t-Talibani qed jagħmluha diffiċli kemm jista’ ikun għan-nies biex jaslu sal-ajruport. Dan għaliex minkejja li l-ajruport hu kontrollat minn xi 4,500 suldat Amerikan, it-toroq kollha li jwasslu għat-Terminal jinsabu kollha f’idejn it-Talibani.

It-Talibani mhumiex jippermettu li l-Afgani mingħajr dokumenti tal-ivvjaġġar jaslu sal-ajruport – bil-vjaġġi qed ikunu anki diffiċli għall-Afgani bid-dokumenti validi. L-aħħar żviluppi seħħew wara li eluf ta’ nies waslu sal-periferiji tal-ajruport fi sforz iddisprat biex jitilqu mill-Afganistan li ilu f’idejn it-Talibani min-nhar il-Ħadd.

Intant, fost l-aħħar żviluppi importanti kien hemm id-deċiżjoni tal-Fond Monetarju Internazzjonali (IMF) biex l-Afganistan ‘tat-Talibani’ ma jkollux aktar aċċess għall-fondi tiegħu.

Dan meta fl-aħħar sigħat is-sens ta’ disperazzjoni fl-Afganistan ħa dimensjoni oħra fost l-eżodu tal-eluf taċ-ċittadini…. Ta’ qsim il-qalb partikulari kienu x-xeni fejn in-nisa bdew jitfgħu lit-trabi minn naħa għall-oħra ta’ ħajt tul il-fruntiera, bit-tama li jiġu salvati minn suldati li kienu fuq in-naħa l-oħra.

Il-ħajt partikulari jinkludi l-barbed wire bix-xfafar tal-metall u kien hemm ukoll każi fejn numru ta’ trabi spiċċaw imwaħħlin ma’ dan il-wire.

Is-sens ta’ kaos u paniku qed jiżdied fl-Afganistan minkejja l-insistenza tat-Taliban li se jmexxi l-pajjiż bil-paċi u fejn in-nisa se jkunu jistgħu jaħdmu u jistudjaw ‘bħala dritt’.

Madankollu, qed tispikka xorta arja ta’ sfida fost diversi sezzjonijiet tal-poplu Afgan.

Dan meta numru ta’ Afgani, fl-aħħar sigħat, ħarġu jipprotestaw – fost it-tixjir tal-bnadar tal-Afganistan – fid-diversi bliet tal-pajjiż li qed ifakkar il-102 anniversarju tal-indipendenza….Anniversarju li kellu jasal fi żmien ta’ inċertezza u taqlib kbir għall-poplu Afgan kollu.  

Filmat li qed jiċċirkola fuq il-media soċjali juri folla ta’ nies qegħdin jgħajjtu ‘għall-identità (tal-poplu) u l-bandiera nazzjonali (minflok il-bandiera tat-Taliban li ttellgħet fuq il-bini prinċipali fl-ibliet kollha tal-Afganistan)’.

Mhux eskluż, intant, li setgħu nqatlu d-dimostranti waqt protesta simili fil-belt ta’ Asadabad. Huma setgħu spiċċaw vittmi ta’ sparaturi inkella setgħu mietu qalb ir-rassa tan-nies. Dan ukoll wara li kienu rappurtati ‘diversi nies maqtula’ waqt dimostrazzjonijiet favur iż-żamma tal-identità Afgana, fil-belt ta’ Jalalabad.

Huma proprja dawn l-inizjattivi biex il-poplu juri ‘l-indipendenza mit-Taliban’ li kapaċi jwasslu għal aktar tixrid ta’ demm fil-pajjiż — meta ħafna Afgani baqgħu jinsistu bil-wirjiet ta’ sfida minkejja li l-militanti rnexxielhom jieħdu l-pajjiż sħiħ f’idejhom fl-inqas żmien possibbli.